Lokali

Quddiesa fil-Bażilika tal-Mosta bi tħejjija għall-Jum l-Anzjani

Il-ħajja hi għażiża dejjem – mit-twelid sal-mewt – u matul il-ħajja, kulħadd jibqa’ apprezzat, ikollu kemm ikollu żmien.

Kliem l-Isqof Awżiljarju, il-Monsinjur Joseph Galea Curmi, fl-Omelija waqt Quddiesa li tat bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet bi tħejjija għall-Jum iddedikat lill-Anzjani, imfakkar fl-1 ta’ Ottubru. Il-Quddiesa kienet iċċelebrata fil-Bażilika tal-Mosta. Quddiesa li ġiet organizzata mill-Caritas Malta.

Monsinjur Galea Curmi qal li l-Knisja tifraħ meta tara tant anzjani miġbura flimkien, filwaqt li turi apprezzament lejhom ilkoll għal dak kollu li għamlu matul ħajjithom, speċjalment mat-tfal u ż-żgħażagħ, fit-trobbija b’imħabba u anke b’xi parir.

Għall-Quddiesa attendew anzjani residenti fi Djar tal-Anzjani, uħud minnhom akkumpanjati minn qraba, b’diversi oħra membri tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN).

Preżenti wkoll il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.