Jidher li l-problemi ma jistgħux iħallu lil Real Madrid f’dan il-bidu tal-istaġun, hekk kif ħabbru li l-plejer Kroat Luka Modric hu mweġġa’. Mhux ċar eżattament kemm hu gravi Modric iżda jidher li għandu problemi muskolari f’siequ l-leminija. Lanqas ma kien speċifikat kemm se jdum barra mil-logħob il-Kroat.
Real Madrid jospitaw lil Levante nhar is-Sibt fil-Liga wara l-waqfa tal-impenji tat-timijiet nazzjonali, fejn Modric lagħab u anki skorja l-gowl tal-vantaġġ minn penalty kontra l-azerbaijan f’Baku. Wara l-impenn fil-Liga, Real jibdew l-impenji tal-UEFA Champions League b’logħba diffiċli fil-kapitali Franċiża kontra Paris Saint-Germain.
Fost il-plejers ta’ Real Madrid li jinsabu ukoll imweġġgħa hemm Asensio u Isco. Iżda aħbar tajba għal Real tista’ tkun id-debutt tal-eks plejer ta’ Chelsea Eden Hazard.
Il-Belġjan kien l-iktar akkwist importanti ta’ Real f’dan is-sajf, iżda sfortunatament għalihom dan għad irid jiddebutta magħhom f’logħbiet kompetittivi minħabba li weġġa’ propju fil-bidu nett tal-istaġun.
Issa Hazard jidher li rkupra għal kollox u se jkun disponibbli u mistenni li jilgħab l-ewwel minuti tiegħu bil-flokk ta’ Real kontra Levante. Real Madrid iridu jippruvaw jiksbu t-tliet punti minn dan il-konfront, wara li kisbu biss żewġ draws fl-aħħar żewġ logħbiet tagħhom kontra Valladolid u Villarreal.
Real Madrid jitilfu lil Luka Modric
