Lokali

Rumen arrestat wara sejba ta’ kannabis f’kompartament tal-vettura li wasal biha minn Pozzallo

Rumen ta’ 31 sena kien arrestat wara sejba ta’ madwar 6.5kg ta’ droga kannabis fil-karozza li kien qed isuq biex minn Pozzallo jasal Malta.

Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u Uffiċjali tal-Infurzar tad-Dwana waqqfu l-vettura tar-raġel mal-wasla f’pajjiżna. Kien f’dan il-waqt li, f’kompartament tal-karozza, instabu diversi boroż bil-pjanti tal-kannabis li kienu lesti għat-traffikar.

Hekk kif aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti għada, akkużat bl-importazzjoni u l-pussess aggravat tal-pjanta tal-kannabis.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Donatella Frendo Dimech, li qed tmexxi Inkjesta assistita minn diversi esperti.