Lokali

Sabiex jaħarbu mill-bullying, it-tfal kultant jigdbu fuq il-familji LGBTIQ+ tagħhom

It-tfal kultant jigdbu fuq il-familji tagħhom, li jkunu LGBTIQ+, biex jaħarbu mill-bullying.

Hekk stqarret il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca waqt konferenza bħala parti mill-Malta Pride Week, imtella’ mill-Fondazzjoni Maltija għall-Ġid tas-Soċjetà, immexxijja minnha stess u mit-tmexxija tal-MGRM. Hi ħeġġet lill-edukaturi biex jieħdu l-passi ħalli jsiru ‘champions’ tal-inklużjoni.

Marie Louise Coleiro Preca qalet li temmen li t-tfal imrobbija minn persuni LGBTIQ+ jistgħu jirnexxu aħjar jekk is-soċjetà tagħna tiffavorixxi b’mod effettiv kultura ta’ inklużjoni.

Min-naħa tagħha, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għal-Libertajiet Ċivili Claudette Buttigieg stqarret li avolja f’Malta ngħaddu diversi Liġijiet, ir-realta li trid tiġi ffaċjata hi realtà oħra.

Kompliet li s-soċjetà Maltija għandha lil min qed jaffaċja diskriminazzjoni u mhux iħossu sigur f’ċerti spazji. Irridu naraw kif qed nonqsu lil dawn in-nies, iżda anke lil dawk li qed jitħallew jiddiskriminaw.

Claudette Buttigieg talbet biex ma nkomplux nonqsu lil min hu dgħajjef u ma nittollerawx lil min jiddiskrimina.

Matul l-attività tfakkar ukoll l-ewwel anniversarju mit-twaqqif ta’ ‘The Rainbow Families Network’, li jipprovdi spazju biex familji LGBTIQ+ jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’ambjent sigur u mingħajr preġudizzji tas-soċjetà.

Alex Caruana, Community Outreach Officer tal-MGRM, tenna li jinsab sodisfatt li l-ħidma se tkompli fis-snin li ġejjin, fosthom anke billi jintlaqgħu aktar persuni li jkollhom bżonn l-għajnuna.