Ekonomija Lokali

UFFIĊJALI: Tasal id-daqqa tal-Moneyval għal Muscat

Waslet il-konferma….jekk qatt kien hemm bzonn… tan-nuqqasijiet serji minn naħa tal-Gvern ta’ Joseph Muscat fejn jidħlu każi ta’ ħasil ta’ flus. Tant illi pajjizna qed jirriskja li jispicca blacklisted jekk ma jkunx hemm azzjonijiet konkreti fi zmien 12-il xahar.

Dan ħareġ ċar mir-rapport finali tal-Moneyval ippubblikat mill-Kunsill tal-Ewropa, wara xhur ta’ anticipazzjoni. Rapport li fi kliem il-Kap tal-PN Adrian Delia , qed juri kif bl-imġiba tal-mistħija tieghu il-Gvern qed ipoġġi l-impjiegi tal-eluf ta’ haddiema tas-settur tas-servizzi finanzjarju f’riskju.

Id-dokument tal-Kunsill tal-Ewropa juri li r-riżorsi limitati, kemm umani kif ukoll finanzjari, li huma allokati għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni f’każi ta’ ħasil ta’ flus, itappnu ferm il-kapaċità ta’ Malta li tiġġieled il-ħasil ta’ flus b’mod effettiv. U Malta għadha mhux tieħu l-passi legali mistennija kontra persuni suspettati b’ħasil ta’ flus.

Dwar dan kollu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne…esprima il-pjacir tieghu, li bhala Gvern se jaraw ir-rakkomandazzjonijiet.

Kif diġa’ ġie żvelat meta ħarġu partijiet illikjati mir-rapport, issa hu konfermat li l-Moneyval qed ipoġġi dubji fuq l-impenn tal-Gvern li jiġġieled il-ħasil tal-flus. Tant illi fil-konklużjonijiet tar-rapport jingħad li “l-investigazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus ma jidhrux li huma prijorita’ għall-awtoritajiet Maltin”.

Barra minn hekk, il-Moneyval f’dan id-dokument dettaljat ta’ 200 pagna jinnota li l-Pulizija f’każi rari tmexxi fuq rapporti maħruġa mill-FIAU.

Skont dan ir-rapport, investigazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus mhumiex in regola mal-profil għoli ferm ta’ riskju u mat-tkabbir u l-kumplessità tas-settur finanzjarju.

Hemm dubji wkoll kemm l-awtoritajiet qegħdin filfatt f’pożizzjoni li jinvestigaw u li jieħdu passi legali u kriminali, b’mod effettiv u fil-ħin dwar każijiet ta’ ħasil ta’ flus relatati ma’ atti ta’ reati finanzjarji, ta’ tixħim u ta’ korruzzjoni. Tant illi fl-ahhar snin kien hemm dubji persistenti dwar in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija fejn jidhlu rapporti tal-FIAU li investigaw lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.

Ftit tal-jiem ilu… il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien bħal donnu moħħu mistriħ għall-fatt li ħerġin dawk li sejjaħ “ruxmata rakkomandazzjonijiet” mill-Kunsill tal-Ewropa. Iżda issa Scicluna sab din il-lista ta’ rakkomandazzjonijiet ma’ wiċċu eżatt qabel iressaq il-Budget – żvilupp li żgur se jpoġġi pressjoni akbar fuq Kastilja.

B’reazzjoni ghal dan ir-rapport iebes, il-PN fi stqarrija qal li l-Gvern għandu juri biċ-ċar u mill-ewwel li qiegħed jieħu din il-materja bis-serjetà kollha u mhux jara biss kif se jsewwi l-ħsara fuq l-immaġini tiegħu.

L-istqarrija tad-deputati Mario de Marco u Kristy Debono  titkellem fuq il-htiega li tiġi aċċertata l-indipendenza tal-istituzzjonijiet…. u persuni  ta’ poter fil-Gvern involuti f’allegazzjonijiet ta’ hasil ta’ flus għandhom jirreżenjaw minn kull kariga pubblika.

Intant…ix-xahar li ghadda kien hemm konferma oħra ta’ kemm il-Gvern sejjer lura fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Dan meta kienet pubblikata l-edizzjoni tal-2019 ta’ dak magħruf bħala l-Basel Anti-Money-laundering Index.

Minn dan l-indiċi – kuntrarju ghall-propaganda li hierga minn Kastilja – jirriżulta li l-Gvern Malti mar lura mit-12 għat-13-il post bejn l-2018 u l-2019. Iżda aktar indikattiv hu l-fatt li filwaqt li Gvern Nazzjonalista ħalla lil Malta fis-seba’ post f’dan l-indiċi, din is-sena, Malta tinsab fit-13-il post.

Silta mir-rapport uffiċjali tal-Moneyval