Internazzjonali

Boris Johnson imwissi biex ma jisfidax il-liġi dwar Brexit

L-Ispeaker tal-House of Commons, John Bercow, wissa biċ-ċar lill-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson biex ma jinjorax il-liġi maħsubha biex tevita li l-pajjiż iħalli lill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.

Bercow, li mistenni jispiċċa dalwaqt minn Speaker tal-Parlament, sostna li l-uniku Brexit possibbli hu dak li jingħata appoġġ mid-deputati tal-Parlament. Intant, waqt diskors f’Londra, Bercow wissa li f’każ li l-Gvern jidher li jkun lest biex jikser il-liġi ta’ kontra n-no-deal Brexit, ‘il-Parlament ikun irid jevita din il-possibbiltà waqt li mistenni jaġixxi bid-determinazzjoni kollha’.

Il-liġi ġdida li għaddiet qabel is-sospensjoni tal-Parlament iġġiegħel lill-Prim Ministru jfittex posponiment tal-Brexit għall-31 ta’ Jannar tal-2020 — dment li d-deputati f’Londra ma japprovawx ftehim mal-UE jew no-deal Brexit sad-19 ta’ Ottubru.

Boris Johnson, jiem ilu, qal li ‘jippreferi jinsab mejjet ġo gandott milli jitlob posponiment għal Brexit’ — bir-Renju Unit qed jaħseb biex joħroġ mill-Unjoni fil-31 ta’ Ottubru. Johnson, nhar it-Tnejn, se jmur il-Lussemburgu għal taħditiet mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u l-Prim Ministru, Xavier Bettel.

Sadanittant, John Bercow qal li ‘wieħed lanqas mgħandu jikkunsidra ċirkustanzi għall-ksur tal-liġi (li tevita n-no-deal Brexit) li suppost jitqies bħala ‘eżempju terribbli lill-bqija tas-soċjetà’.  Hu qal li jħossu sorpriż li ‘xi ħadd seta’ ikkunsidra l-possibbiltà’ u li f’demokrazija parlamentari bħalma hu r-Renju Unit, id-deputati u l-leġislaturi ‘ma jistgħux, bil-kuxjenza kollha, imexxu dibattitu dwar jekk għandux jiġi eżerċitat ir-rispett għal-liġi jew le’.

Skont Bercow, mal-ewwel sinjali li l-Gvern qed iħejji biex jikser il-liġi, hu kważi ċert li ċ-ċirkustanzi se jirrikjedu livell addizzjonali ta’ ‘kreattività’ fil-proċedura li tevita dan l-aġir min-naħa ta’ Boris Johnson. Hu kompla la l-limitazzjonijiet tar-regoli attwali u lanqas il-ġlieda mal-ħin mgħandhom jevitaw ‘reazzjoni qawwija’ mill-Parlament.

Boris Johnson, issa, qal li ‘ħadd mhu se jfixklu’ fl-impenn biex joħroġ lir-Renju Unit mill-UE fil-31 ta’ Ottubru. Hu esperima ruħu ‘kawt iżda ottimist li jikseb ftehim dwar Brexit’ iżda insista li pajjiżu se jikkonkludi l-proċess mad-deadline ‘jiġri x’jiġri’.

Intant, Michel Barnier, in-negozjatur tal-UE għal Brexit, qal li ‘ma jarax raġunijiet għalfejn wieħed għandu jkun ottimist’ dwar ftehim potenzjali bejn l-Unjoni u Londra.