Lokali

Caroline Muscat tirbaħ il-premju tal-libertà tal-istampa

Il-fundatur ta’ The Shift News, Caroline Muscat, rebħet il-premju għal din is-sena tal-libertà tal-istampa mogħti mill-grupp Reporters Without Borders.

F’serata li saret f’Berlin, Caroline Muscat ingħatat dan il-permju għall-ħidma tagħha kontra l-korruzzjoni u għar rieda biex tkompli tistinka fil-ġurnaliżmu minkejja pressjoni qawwija sabiex tieqaf.

Il-premju ġie ppreżentat waqt ċerimonja li għaliha attendew diversi ġurnalisti internazzjonali, attivisti għad-drittijiet umani, avukati u politiċi.

Caroline Muscat iddedikat dan il-premju lill-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia li ġiet assassinata fl-2017. Hi saħqet kif anke wara sentejn mill-qtil brutali ta’ Caruana Galizia, l-awtoritajiet f’Malta għadhom siekta, filwaqt li l-poplu għadu ma jafx min verament ried jagħlqilha ħalqha.

Bħalissa l-Gvern għandu fuq rasu deadline mill-Kunsill tal-Ewropa sabiex jibda inkjesta pubblika u indipendenti dwar dan il-qtil. Baqa’ biss issa erbatax il-ġurnata – iżda minkejja dan il-gvern għadu m’għamel xejn.

Il-premju tal-libertà tal-istampa ilu jingħata mill-1992 bħala unur għall-ġurnalisti li minkejja iċ-ċirkustanzi f’pajjiżhom, jibqgħu jistinkaw kontra min jabbuża u kontra l-korruzzjoni.