Lokali

Ċelebrazzjoni tad-diversità f’Tas-Sliema

“L-imħabba dejjem tirbaħ”. Dan kien il-qofol tal-messaġġ hekk kif fil-‘Pride Week’ ġie installat fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema, simbolu ta’ lwien tal-qawsalla f’forma ta’ mewġ li juru l-aspett Mediterranju ta’ Malta.

Din l-inizjattiva ġiet mill-istabilliment NOOS bi sħab mal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.

Dan is-simbolu se jibqa’ hemm b’mod permanenti tul is-sena kollha. Maria Attard minn NOOS qalet li  permezz ta’ dan, ta’ kuljum għandhom jiġu ċċellebrati; id-diversità, l-ugwaljanza u t-tollernaza.

Clayton Mercieca minn Malta Pride qal li dan is-simbolu huwa ta’ tfakkira għad-drittijiet li nkisbu iżda wkoll tfakkira għat-theddid li għadu jsir.

Min-naħa tagħha, il-Viċi Sindku ta’ Tas-Sliema Graziella Attard Previ sostniet li l-Kunsill Lokali huwa favur li jippromwovi d-diversità u infatti għen kemm seta’ biex dan is-simbolu jkun jista’ jsir f’din it-triq.

Dan is-simbolu infatti huwa l-ewwel wieħed b’din il-forma f’pajjiżna u kif ukoll fl-Unjoni Ewropea. L-għaqdiet involuti tennew li simboli bħal dawn għandhom iservu biex ta’ kuljum ifakkru l-prinċipji tal-imħabba u l-importanza li nħaddnu magħna; it-tolleranza, l-ugwaljanza u d-diversità.