Il-pubbliku f’Pariġi kellu jgħaddi minn inkonvenjenti kbar fost is-sriebet tal-karozzi ‘imwaħħlin’ fiċ-ċentru tal-kapitali — u b’folol kbar ta’ nies jistennew għal sigħat għall-ftit servizzi tal-metrò li kienu qed jaħdmu. Il-paraliżi kienet dovuta għal strajk kontra r-riformi għall-pensjonijiet li qed jippjana l-Gvern immexxi mill-President Franċiż, Emmanuel Macron.
Tal-anqas għaxra mis-16-il linja tal-metrò f’Pariġi baqgħu magħluqa, bl-iskedi għall-oħrajn jispiċċaw imħarbtin u ‘imprevedibbli’.
Intant, ħafna ħaddiema li jirrappurtaw għax-xogħol fil-kapitali u l-madwar kienu kostretti jimxu jew jibqgħu d-dar. Fl-istess ħin, l-operatur tat-trasport RATP (bl-e-moped) u n-netwerks tal-e-bike u scooter tal-Uber kienu qegħdin joffru r-rikbiet b’xejn waqt l-emerġenza.
L-azzjoni industrijali kienet l-akbar mill-2007 u meqjusa bħala ‘l-ewwel tweġiba serja’ kontra l-pjan ta’ Macron għal pensjoni ‘fuq livell universali’. B’din ir-riforma partikulari, il-pensjoni proposta għandha tieħu post għexieren ta’ skemi tal-pensjoni differenti għad-diversi professjonijiet.
Sadattant, il-ħajja f’Pariġi mistennija terġa’ tispiċċa paralizzata fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla, bil-membri tal-professjonijiet l-oħra – fosthom l-avukati, il-ħaddiema mal-linji tal-ajru u l-ħaddiema mal-professjoni medika — isejħu għal aktar azzjonijiet industrijali min-nhar it-Tnejn,
It-traffic jams tallum fir-reġjun ta’ Pariġi ġebbdu għal 235 kilometru li, skont l-uffiċjali, kien id-doppju tal-livelli normali.
Il-gazzetta Le Parisien, intant, irrappurtat li, fl-aħħar sigħat, ma kenitx rispettata l-ħtieġa legali li jinżamm minimu tat-trasport pubbliku (kriterju effettiv wara l-azzjoni industrijali kbira tal-2007 li wkoll kienet saret bi protesta għall-bidliet fil-pensjoni).
Tlieta mill-ħames linji tal-ferroviji reġjonali (kontrollati mill-operatur nazzjonali SNCF) ta’ Pariġi baqgħu joffru s-servizzi normali, iżda ż-żewġ linji l-oħra pprovdew biss servizz limitat għall-ħin tar-rush hour, bil-ferroviji għall-iskedi partikulari ma jaħdmux għall-kumplament tal-ġurnata.
//= $special ?>