Lokali

Ikomplu jikbru d-dubji dwar l-inkjesta

Il-Ministru tal-Affarjiet Barranin Carmelo Abela baqa’ ma tax data ta’ meta se tibda l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Affaċjat mid-domandi ta’ NetNews il-Ministru Abela baqa’ ma ta l-ebda data.

Meta kien tkellem barra minn Malta…il-Ministru Carmelo Abela kien wiegħed li fit-terminu ta’ tliet xhur imposti fuq il-Gvern mill-Kunsill tal-Ewropa, il-Gvern kien sejjer iwaqqaf inkjesta pubblika sabiex tinvestiga jekk il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet ta’ pajjiżna kienux adegwati biex jipproteġu l-ħajja tal-ġurnalista.

Dwar dan l-Oppożizzjoni Nazzjonalista esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha li kwazi sentejn wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia, l-awtoritajiet Maltin mhux qegħdin juru ħeġġa biex isibu min ordna dan il-qtil.

Infatti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li hu wkoll kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba, fil-15 ta’ Lulju li għadda kien kiteb ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar dan, iżda hu naqas milli jwieġeb, bil-Gvern issa ilu xhur sħaħ ikaxkar saqajh sabiex jagħmel dak li titlob is-saltna tad-dritt.