Lokali

Il-Gvern mhux iħares il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna

Pajjiżna huwa sinjur fil-wirt kulturali, li għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra. Huwa d-dmir tagħna li dan inħarsuh u bi dritt ingawduh. Minflok, minħabba l-inkompetenza tiegħu l-Gvern qed ipoġġi f’riskju l-patrimonju. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika għar-residenti tal-ewwel distrett elettorali bħala parti mil-festi tal-Indipendenza organizzati mill-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia fakkar kif dak li kellu jkun il-legat tal-Valletta 2018, bħala Belt Kapitali Ewropea, spiċċa bħala binja li jirraprezenta tal-inkompetenza tal-Ministru għall-Kultura. Filwaqt li l-Ministru għall-Kultura u l-Prim Ministru fil-ftuħ tal-MUZA kienu stqarrew li l-mużew kien rigal lil Malta u lill-Maltin, l-inkompetenza tagħhom fis-settur tal-kultura poġġiet fil-periklu teżori nazzjonali. Huwa qal li l-kultura tmur lil hinn mill-arti u l-wirt storiku u tħaddan fiha wkoll il-libertà tal-kelma u dibattitu b’saħħtu fis-soċjetà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern qed joħloq problemi f’bosta setturi fis-soċjetà fosthom il-housing, b’aktar żgħażagħ li qed isibuha diffiċċli biex jixtru propjetà u jibdew familja.

Aktar persuni mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, bl-istatistika turi li l-pagi f’Malta kienu l-inqas li żdiedu fl-Unjoni Ewropea. Dan meta l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali dejjem jiżdiedu tant li l-middle class mhix tlaħħaq aktar. Dr Delia spjega li filwaqt li l-kultura poġġiet lill-pajjiżna fuq pedestall, tant li l-Belt Kapitali għandha rikonoxxenza globali, l-Gvern qed ikisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, b’detriment għas-settur finanzjarju u qiegħed jipperikola l-eluf ta’ postijiet tax-xogħol fis-servizzi finanzjarji tal-professjonisti u ż-żgħażagħ. 

Adrian Delia qal li l-PN jrid kultura bbażata fuq r-rispett, l-ambjent nadif u s-sigurtà, f’dibattitu u soċjetà li jimpurtaha. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jridu li jsiru l-investimenti fil-lokalitajiet li jagħmlu parti mill-ewwel distrett elettorali.

Huwa qal li l-attivitajiet li qed jorganizza l-PN għall-festi tal-Indipendenza huma okkażjoni mhux biss sabiex niċċelebraw l-indipendenza li kiseb il-PN għal pajjizna, iżda wkoll sabiex niddiskutu fejn irridu nieħdu l-pajjiż u n-nazzjon tagħna bi pjan fit-tul li jħares it-tessut soċjali ta’ pajjiżna.