Lokali

“Il-PN mhux se jippermetti li Malta tispiċċa black listed”

“Se nkomplu naħdmu biex niddefendu isem pajjiżna u nerġgħu niksbu reputazzjoni tajba.”

Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Moneyval huma serji u juru kif minħabba n-negliġenza u n-nuqqas ta’ azzjoni konkreta tal-Gvern, dak li bnejna matul is-snin bis-saħħa tar-reputazzjoni tajba li kellu pajjiżna, issa jinsab mhedded minħabba l-kritika ħarxa li ġibed fuqu l-Gvern Laburista li dgħajjef l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija Kristy Debono wara li ġie ppubblikat ir-rapport sħiħ tal-Moneyval dwar Malta, li jikkonkludi kif il-Gvern mhux jimplimenta b’serjetà azzjoni konkreta kontra l-ħasil tal-flus.

Mario de Marco qal li mir-rapport tal-Moneyval, li huwa kumitat magħmul mill-esperti, pajjiżna weħel fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u għalhekk istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej bdew jagħmlu l-mistoqsijiet dwar il-mod li bih il-Gvern qed jibqa’ ma jieħux azzjoni biex isaħħaħ bil-fatti l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Ir-rapport jirrimarka wkoll in-nuqqas ta’ ħeġġa biex jintemmu investigazzjonijiet dwar high profile cases, każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus li jinvolvu nies qrib tal-Gvern. Dan ukoll minħabba l-għemil tal-Gvern Laburista li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, li suppost li qegħdin hemm biex jiddefendu lin-nies u mhux l-aġir u n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern.

Filfatt, l-awtoritajiet ilhom mill-2013 f’pożizzjoni li ma jistgħux jaqdu dmirijiethom bl-aħjar mod possibbli, minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi u bl-indħil politiku, wara li l-Gvern ħatafhom taħt idejh. Fost il-każijiet li kien hemm u li ġew indikati wkoll f’rapporti internazzjonali kien hemm:

  • Il-liċenza li ngħatat lill-bank Pilatus biex jaħdem f’Malta.
  • In-nuqqas ripetut tal-MFSA li tieħu azzjoni fuq il-bank Pilatus minkejja rapporti ta’ ksur tar-regolamenti bankarji.
  • L-ebda azzjoni fir-rigward tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri minkejja rapporti tal-FIAU li kkonkludew li allegatament kienu nvoluti f’każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus.
  • It-tkeċċija ta’ uffiċjal tal-FIAU li kien qed jinvestiga l-bank Pilatus u uffiċjali għolja oħra fil-Gvern Laburista li allegatament kienu involuti b’każijiet ta’ ħasil tal-flus.
  • L-ebda investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

Kristy Debono qalet li wara li r-rapport tal-Moneyval ġie approvat fil-Kunsill tal-Ewropa fix-xhur li għaddew, l-konsegwenzi jistgħu jkunu ferm gravi fuq pajjiżna u l-ekonomija tagħna, speċjalment fuq is-settur finanzjarju, tas-servizzi finanzjarji u l-igaming. Setturi importanti li joffru x-xogħol lil eluf ta’ professjonisti u żgħażagħ. Dan meta issa għandna biss ftit xhur oħra biex il-Gvern jirranġa s-sitwazzjoni sabiex pajjiżna ma jispiċċax black listed. Jekk dan kollu jseħħ pajjiżi oħrajn jibdew iħarsu lejna bħala tax haven u jonqos il-kummerċ u x-xogħol. Rapporti oħrajn tal-GRECO u tal-Venice Commission ukoll kienu irrimarkaw fuq il-mod kif il-Gvern tappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u daħħal ukoll sens ta’ impunità.

Sfortunatament matul dawn l-aħħar sitt snin rajna każ wieħed wara l-ieħor fejn il-Prim Ministru għażel li jibqa’ jiddefendi l-ħażin u lil min iwettaq il-ħażin, u dan kollu wassal biex ġibed lejh kritika ħarxa minn istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej, b’detriment għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Għalhekk jeħtieġ li tittieħed azzjoni konkreta u ppjanata mill-Gvern biex terġa’ tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u biex l-istituzzjonijiet ikunu verament indipendenti u ħielsa, biex l-istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej ma jħarsux lejn Malta bħala tax haven, minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Prim Ministru.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi Mario de Marco, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono, l-President tal-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) Graham Bencini u l-President tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) u minority leader fil-Mellieħa Ivan Castillo.