Lokali Saħħa

Il-UĦM tissospendi d-direttivi kollha b’mod immedjat

Se tingħata deċiżjoni finali dwar il-kwistjoni sal-aħħar ta’ Settembru.

Illum wara nofs inhar, il-UĦM kellha laqgħa mal-Prim Ministru dwar il-kwistjoni tal-għarfien ewlieni tal-Allied Health Professionals (AHP).

F’din il-laqgħa, kemm min-naħa tal-Gvern kif ukoll min-naħa tal-UĦM, saru diversi argumenti dwar din il-kwistjoni b’uħud minnhom ta’ natura legali. Il-UĦM saħqet li r-rapport maħruġ mid-DIER ikkonferma li hi għandha 58 fil-mija tal-ħaddiema bħala Allied Health Professionals.

Il-UĦM għamlitha ċara li hi m’għandha ebda kwistjoni ma’ union oħra. In-naħa tal-Gvern ippruvat tara, kif tista’ issib żblokk għal din is-sitwazzjoni u, wara laqgħa ta’ madwar siegħa, il-Prim Ministru kkomunika mal-UĦM li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar se tingħata deċiżjoni finali dwar din il-kwistjoni.

F’dan ir-rigward il-UĦM, b’sens ta’ responsabbiltà lejn il-pazjent kif ukoll b’sens ta’ rieda tajba, qed tissospendi id-direttivi kollha b’mod immedjat.