Internazzjonali

Irid jinħall mill-klippa li għandu ma’ saqajh

Is-sid Iranjan ta’ Pilatus Bank f’Malta, Ali Sadr Hasheminejad, li bħalissa jinsab l-Amerika fejn qed jaffaċja akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus u li kiser is-sanzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Uniti, talab lill-qorti tneħħi l-apparat li għandu ma’ siequ, li hu intiz sabiex isegwi l-movimenti tiegħu. 

Skont rapport ippubblikat minn Inner City Press, intqal illi l-Imħallef Alison J. Nathan ma rat l-ebda raġuni għaliex kellha tneħħi l-apparat li għandu ma siequ, li hi forma ta’ klippa li ma tistax tinqala’.

Rapporti qed jindikaw li l-avukati mid-ditta Amerikana Steptoe & Johnson li jirrappreżentaw lil Ali Sadr qed jikkawżaw dewmien twil f’dan il-każ. Infatti s-smiegħ tal-każ jista’ jdum ma jibda sa Marzu tas-sena d-dieħla.

Ali Sadr ġie arrestat fl-Istati Uniti f’Marzu tal-2018, akkużat b’ħasil ta’ flus u li kiser is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-Iran

Il-Bank Pilatus kien spicca fl-attenzjoni pubblika wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia akkużat lil sidha għal numru ta’ reati fosthom ħasil ta’ flus, tixhim lill-politiċi Maltin, u trasferimenti kbar ta’ flus lejn l-Ażerbajġan

Wara l-qtil ta’ Caruana Galizia f’Ottubru 2017, irriżulta li Ali Sadr kien fetah libell f’Ariżona kontra Caruana Galizia biex skont hu “jipproteġi r-reputazzjoni tiegħu”. Hu kien talab kumpens ta’ US $40 miljun.

Ftit tax-xhur wara, iżda, l-Awtorità Bankarja Ewropea kienet esprimiet “tħassib sinifikanti” dwar il-mod kif ħadmet l-MFSA meta ħarġet l-awtorizzazzjoni lill-Bank Pilatus u suppost superviżjoni li kellha tagħmel l-Awtorita’.

Il-bank Pilatus kien ġie reġistrat f’pajjiżna f’Diċembru tal-2013, jiġifieri xahar biss wara l-aħħar tranżazzjoni llegali li nkixfet mill-investigaturi Amerikani.