Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera laqgħet it-talba biex il-plejer internazzjonali Malti Clifford Gatt Baldacchino jingħata l-libertà proviżorja wara li appella minn sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ 15-il xahar ħabs wara li kien ammetta li ta fastidju lill-eks tfajla tiegħu.
Gatt Baldacchino li huwa plejer ta’ Gżira United ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Kundizzjonijiet oħra jinkludu li jrid ikun id-dar fl-10.30 p.m. u joħroġ mhux qabel is-7.30 a.m. sakemm ma jkollux xi logħob jew taħriġ fil-futbol.
Il-Qorti qalet ukoll li r-reat mhux tali gravi li dan għandu jibqa’ miżmum arrestat. L-Avukati tiegħu fis-sottomissjonijiet li għamlu fil-Qorti l-Ħamis qal li l-plejer għajnuna għandu bżonn u mhux ħabs għax ta fastidju lill-ex tfajla tiegħu. Dawn qalu li jekk idum il-ħabs għal perjodu ta’ 15-il xahar, il-karriera tiegħu se tmur il-baħar.
L-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qalu dan meta huma ppreżentaw appell biex jingħata l-libertà proviżorja fuq il-każ u anke sar appell mis-sentenza. Huma qalu li bl-ebda mod mhuma jikkritikaw is-sentenza, iżda jridu jgħinu lill-plejer joħroġ ‘mis-sħaba sewda’ li daħal fiha.
Clifford Gatt Baldacchino ammetta li ripetutament ta fastidju lill-ex sieħba tiegħu minkejja ordni tal-Qorti biex ma jersaqx lejha. Huwa sa anke ma warajha sal-bajja fejn kienet qed tgħux u ċempilha diversi drabi fuq il-mobajl.
L-Avukati tiegħu qed jibżgħu li l-plejer se jkisser ħajtu u l-karriera tiegħu u dan fuq relazzjoni li ma’ mara li damet sentejn u li huwa qatt ma aċċetta li din kienet spiċċat. Qalu wkoll li l-plejer għandu bżonn għajnuna profssjonali f’dan il-perjodu diffiċli għalih.
L-Avukat Vassallo qal li bħala plejer tat-tim nazzjonali Malti, huwa qed jagħti servizz lill-istat u li bħalissa għaddej minn trawma fejn anke esperjenza l-ħabs f’dawn l-aħħar ġimgħat.
It-tim legali ta’ Gatt Baldacchino qal ukoll li l-plejer ammetta li żbalja meta r-relazzjoni spiċċat u li qatt ma aċċetta dan kollu. Reġgħu tennew fil-Qorti li mhumiex qegħdin jikkontestaw il-każ fil-Qorti, iżda jemmnu li l-piena hija wisq eċċessiva.
“Ma tagħmilx sens li persuna tmur il-ħabs għal 15-il xahar, u minflok ġid tagħmel aktar ħsara, jekk xejn l-għan prinċipali għandu jkun li nsalvaw ħajja u l-karriera ta’ dan il-povru,” qalu l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo.
Fl-appell li għamlet id-difiża ta’ Gatt Baldacchino qalet li l-Qorti deheret li hija ‘wisq mgħaġġla’ fis-sentenza tagħha. L-akkużat kellu u għad għandu s-sapport kollu tal-familja tiegħu. fejn dawn kienu preżenti fl-awla tal-Qorti b’mod masiċċ u deheru hemm għall-għan prinċipali biss, jiġifieri għal-ġid ta’ persuna li għaddiet minn ħafna.
Id-difiża kienet talbet lill-Qorti tagħtih il-ħelsien mill-arrest taħt ordni ta’ superviżjoni u fuq garanzija ta’ terza persuna pprovduta minn membru tal-familja.
L-Avukat Charles Mercieca mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-Prosekuzzjoni kienet konċernata biss dwar il-possibilità li l-plejer jikser il-kundizzjonijiet tal-Qorti.
Madankollu qalet ukoll li ma kienitx qed toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, sakemm il-kundizzjonijiet mill-Qorti jkunu iebsa, u li jinkludu superviżjoni, garanziija, li jibqa’ d-dar f’ċertu ħinijiet u xi forma ta’ restrizzjoni fuq l-użu tal-media soċjali, u dan peress li l-każ jinvolvi fastidju.
Kull forma ta’ ordni li ma joħroġx mid-dar trid tieħu konjizzjoni għal meta l-plejer ikollu sessjonijiet ta’ taħriġ filgħaxija u għaldaqstant jkun permess li jattendi. Għall-plejer qed jidher ukoll l-Avukat Jean Paul Sammut.