Internazzjonali

It-Turkija: L-eks Prim Ministru Davutoglu jiksirha mal-AK u ma’ Erdogan

L-eks Prim Ministru tat-Turkija, Ahmet Davutoglu, irriżenja mill-Partit AK (Iżlamiku) fil-Gvern u reġa’ ikkritika l-kapaċità tal-amministrazzjoni biex tmexxi lit-Turkija. Intant, Davutoglu, li dam is-snin alleat kbir tal-President Tork Recep Tayyip Erdogan, ma ffurmax immedjatament partit ġdid, bħalma kienu qed jistennew ħafna.

Meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Ankara, Davutoglu qal li l-Partit AK, ‘li hu kontrollat minn ċorma żgħira ta’ nies’ m’għadux kapaċi biex ‘jipprovdi soluzzjoni għall-problemi tat-Turkija’. Hu sostna li ma teżistix sistema (fil-Gvern) għal evalwazzjoni interna u li ‘spiċċaw magħluqin’ is-sistemi li jippermettu għan-negozjati.

Minbarra Davutoglu, irriżenjaw ħames deputati oħra mill-Partit AK. Aktar qabel, il-partit Iżlamiku ta’ Erdogan kien ħa passi dixxiplinarji fil-konfront tal-eks Prim Ministru Tork minħabba l-kritika tiegħu għall-politika li mexxa l-istess AK. Dan meta – qabel ir-riżenja – kien mistenni li l-AK kien se jikkonferma ‘dalwaqt’ it-tkeċċija ta’ Davutoglu.

Intant, Davutoglu qal li ddeċieda li jitlaq mill-partit ‘biex il-partitarji leali ma jarawx it-tkeċċija tiegħu u ta’ esponenti oħrajn li taw saħħithom għall-partit. Il-Partit AK, li ilu jiggverna lit-Turkija mill-2002, ma rreaġiex għar-riżenja.

Ahmet Davutoglu serva bħala Prim Ministru Tork bejn l-2014 u l-2016 qabel tlewwem ma’ Erdogan. Hu, wara, kien ikkundanna lill-President tat-Turkija u l-mod kif l-AK mexxa l-ekonomija tat-Turkija – flimkien mal-mod kif il-partit fil-Gvern rażżan il-libertajiet bażiċi u l-espressjoni ħielsa fil-pajjiż.