L-istrike li għaddej bħalissa fl-isptarijiet qed iwassal għal inkonvenjent kbir fost diversi pazjenti li ta’ kuljum jirrikorri għal xi servizz mill-isptar Mater Dei jew mill-kliniċi fl-irħula. Dan hekk kif id-direttivi qed jaffetwaw servizzi bħal testijiet tad-demm, X-rays u l-interventi kollha ta’ qabel l-operazzjonijiet.
Fl-aħħar jiem kienu bosta dawk li kkuntatjaw il-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna biex juru diżappunt u frustrazzjoni għall-fatt illi ħadd minn Mater Dei ma avżahom b’dak li kien għaddej. U aktar minn hekk, in-nies huma irrabjati minħabba li l-Gvern donnu mhux jinteressah minn din is-sitwazzjoni li qed taffetwa mijiet ta’ pazjenti.
L-azzjoni industrijali bdiet it-Tlieta u kienet imsejjħa mill-UĦM. B’kollox hemm mal-220 direttiva li ingħataw dawn il-ħaddiema professjonijiet li jaħdmu fl-isptarijiet.
Il-kwistjoni titratta rikonoxximent li qed titlob il-union għall-allied healthcare professionals.