Sport Sport Ieħor

L-istaġun tal-futsal jibda fis-27 ta’ Settembru bis-Super Cup bejn Luxol u Valletta

(Ritratt: Joe Borg)

Iż-żewġ sfidanti għar-rebħ tal-kampjonat tal-futsal se jibdew il-kampjonat kontra xulxin, hekk kif telgħu l-poloz tal-kampjonat Elite u dak Amateur li jibdew fil-bidu ta’ Ottubru. Kemm Luxol kif ukoll Valletta se jiltaqgħu ġimgħa qabel fis-27 ta’ Settembru, fil-finali tas-Super Cup.

Fil-Kampjonat Elite, se jipparteċipaw erba’ timijiet, bit-timijiet l-oħra se jkunu Swieqi United u l-Università ta’ Malta, f’kampjonat li se jintlagħab fuq erba’ rawnds. Il-Kampjonat Amateur se jkun fih sitt timijiet. Luxol u Swieqi għandhom tim B flimkien ma’ South Boys, Qormi, Żurrieq u Marsaskala.

(Ritratt: Joe Borg)

Il-Viċi President tal-MFA Matthew Paris, li hu responsabbli mill-kampjonat tal-futsal, qal li hu xogħlhom li jkomplu jkabbru din il-logħba f’pajjiżna u jinsab sodisfatt li se jieħdu sehem 10 timijiet.

Il-logħbiet tal-Kampjonat Elite li jibda l-Erbgħa 2 ta’ Ottubru, se jintlagħabu l-Erbgħa u l-Ġimgħa fil-Kumpless tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Il-logħbiet tal-Kampjonat Amateur li jibda l-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru, se jintlagħbu fil-kumpless ta’ De La Dalle l-Ġimgħa u s-Sibt.