Statistika li ġiet ippublikata mill-Eurostat tkompli turi kemm il-ħaddiema Maltin qed ikomplu jieħdu l-inqas żidiet ta’ pagi fost il-pajjiżi kollha tal-UE, anke jekk f’pajjiżna l-ħajja qed tkompli togħla b’rata mgħaġla.
Il-Eurostat wera biċ-ċar li mhux minnu li ninsabu fl-aqwa żmien għaliex filwaqt li fil-pajjiżi kollha tal-Ewropa il-ħaddiema ħadu żidiet sostanzjali fil-pagi biex jibqgħu ilaħħqu mal-ħajja, il-ħaddiema Maltin baqgħu fejn kienu.
Filfatt iż-żieda fost il-pajjiżi taz-Zona Ewro fit-tieni kwart tal-2019, ikkumparat mal-2018, kienet ta’ 2.7% filwaqt li fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea iż-żieda kienet ta’ 3.1%.
F’Malta kelna żieda minima ta’ 1.1% biex prattikament din iż-żieda mhux qed tinhħass speċjalment meta tħares lejn il-prezzijiet tal-fjuwil, il-ħalib, u l-ħobż, fost ħafna aktar li fl-aħħar jiem ogħlew b’mod kiefer u spiċċaw ta’ piż fuq il-familji Maltin li kif jixhdu numri maħruġa mill-NSO juri li f’pajjiżna hawn madwar 75,000 persuna f’riskju ta’ faqar.
Il-fatt li f’pajjiżi bħar-Rumanija li raw żieda fil-pagi ta’ 12.5% u l-Bulgarija li raw żieda ta’ 10.9% , Slovakkja b’żieda ta’ 10.7%, l-Ungerija 9.7% u l-Estonja 8.4%, ikompli juri li mhux veru li Joseph Muscat ħoloq middle-class ġdida għaliex filwaqt li f’Malta l-pagi baqgħu l-istess u l-ħajja ogħliet, ħadna biss żieda ta’ 1.1%.
Ħafna qed jistaqsu meta se jibda jinħass mill-bqija tal-poplu l-ġid u s-surplus li tant jiftaħar bih Joseph Muscat.
//= $special ?>