Kristijan Milaković, li kellu staġun mill-aqwa maċ-Champions tal-Ewwel Diviżjoni Marsaskala jixtieq jerġa’ jilgħab magħhom l-istaġun li ġej iżda l-ewwel se jkun qed jitlob permess mingħand it-tim ġdid tiegħu fil-kampjonat tas-Serie A 1 fl-Italja.
Milaković ta’ 27 sena, u li huwa Kroat, ħalla lil Savona u ngħaqad ma’ Trieste. Il-plejer li twieled f’Zagreb jixtieq ikun aktar viċin il-Kroazja, it-tim ta’ Savona jidher li naqqas xi ftit mis-saħħa li kellu, anke jekk huma ħadu lill-plejer ta’ San Ġiljan Guillermo Molina.
Milaković issa se jiltaqa’ mad-diriġenti tal-klabb ta’ Trieste u jgħidilhom jekk jistax jiġi Malta biex jieħu sehem fil-kampjonat tas-sajf tal-2020. Jekk jingħatalu l-permess huwa wiegħed lit-tim immexxi minn Dorian Pisani li jerġa’ jiġi minħabba li kien ferm għal qalbu ma’ dan il-klabb li rebaħ id-‘double’.
Dan il-plejer versatili li trabba f’Zagreb beda jilgħab il-waterpolo ta’ tmien snin fejn ingħaqad ma’ VK Medveščak Zagreb. Huwa mill-ewwel beda jimpressjona tant li ta’ 15-il sena, beda jiġi mgħajjat mat-tim tal-kbar, u ftit wara anke mat-tim nazzjonali. Ta’ 22 sena sa anke wasal lill-Kroazja sat-tielet post fit-Tazza tad-Dinja.
It-tim qawwi ta’ Mladost għamel minn kollox biex jikseb is-servizzi tiegħu iżda Medveščak għamlu minn kollox biex iżommuh magħhom, iżda kif spiċċa l-istaġun 2010-11, Milaković finalment ingħaqad ma’ Mladost.
Fl-ewwel staġun tiegħu huwa għen lit-tim jirbaħ il-midalja tal-bronż fiċ-Champions League, u dan għat-tieni sena konsekuttiva għal Mladost.
Fl-istaġun 2014-15 huwa ngħaqad ma’ Como Nuoto u staġun wara ngħaqad ma’ Savona biex issa tliet snin wara ngħaqad ma’ Trieste, tefa’ ta’ ġebla l-bogħod minn Rijeka u ftit aktar distanti minn Zagreb.
Plejer ieħor li mistenni jerġa’ jiġi jilgħab ma’ Marsaskala huwa Kostantin Averca, player ieħor Kroat u dedikat ferm. Ta’ 22 sena wera dixxiplina kbira kemm dam Malta u jidher li se jkollu futur sabiħ quddiemu. Hemm ħafna klabbs barranin iriduh, iżda kollox jidher li għall-istaġun tas-sajf huwa se jerġa’ jilgħab ma’ Marsaskala.