Iċ-Champions tal-Kampjonat Premier tal-waterpolo Neptunes jinsabu għaddejjin b’ħidma kontinwa biex jippruvaw iġibu plejer barrani biex jissostitwixxi lill-Kroat Petar Muslim. Huma remoti ħafna ċ-ċansijiet li dan ikun Malta fis-sajt li ġej u għalhekk Neptunes qegħdin jaraw lil min se jġibu minfloku.
Muslim li għandu 31 sena, reġa’ kellu staġun mill-aqwa f’pajjiżna u minkejja li skorja anqas gowls mill-istaġun ta’ qabel, ix-xogħol li għamel għat-tim f’diversi pożizzjonijiet fl-ilma, kienet xi ħaġa fenominali.
Aħbar tajba għan-Neptunes hija li l-Montenegrin Darko Brguljan se jerġa’ jilgħab magħhom l-istaġun li ġej. Huwa wera l-kwalitajiet tiegħu mill-ewwel maċ-Champions. Brguljan li għandu 27 sena kien lgħab għal żmien qasir f’Malta għall-ewwel darba fl-2012 fl-età ta’ 21 sena, dak iż-żmien ma’ San Ġiljan fi żmien meta Karl Izzo kien kowċ tagħhom u s-sajf li għadda kien plejer ta’ Birżebbuġa.
Ħidma biex xi plejers Maltin ta’ Neptunes iġeddu l-kuntratt
Minn ftit wara li Neptunes rebħu t-tmien kampjonat f’dawn l-aħħat 10 snin, bdiet ħidma mid-diriġenti tagħhom sabiex il-plejers Maltin li wasal biex jagħlqilhom il-kuntratt, joqgħodu fuq il-mejda mal-klabb sabiex dan jiġi mġedded.
Lejn l-aħħar tal-istaġun li għadda Neptunes kienu ġeddew il-kuntratt ma’ Alan Borg Cole u Jeremy Abela għal erba’ snin kif ukoll għal ħames snin ma’ Jake Muscat.
Issa wara li l-veteran Niki Lanzon ħabbar li kien se jirtira minn man-Neptunes bil-President jagħmel minn kollox biex ireġġgħu lura minn din id-deċiżjoni, id-diriġenti tan-Neptunes jixtiequ li jaslu fi ftehim mal-bqija, biex is-sena d-dieħla ikunu armati sew biex jerġgħu jippuntaw biex isiru Champions.
Il-futur ta’ Neptunes jinsab f’idejn sodi bil-bqija tal-plejers mistennija jiġu konfermati. Sadanittant Neptunes għandhom għad ta’ plejers b’futur sabiħ quddiemhom fejn dawn rebħu wkoll il-kampjonat tal-Under 17.
Dwar Niki Lanzon, jidher li hemm diversi klabbs li jixtiequ jiksbu s-servizzi tiegħu għall-istaġun li jmiss. Minkejja li qal li se jirtira mix-xena, l-President ta’ Neptunes Matthew Bonello qal fuq il-programm “Waterpolo Plus” li jixxandar fuq NET FM li jista’ jkun li Lanzon jingħaqad ma’ tim ieħor b’anqas pressjoni.
Raġuni li ta Lanzon għaliex se jirtira peress li minkejja li dieħel fid-39 sena għadu plejer validissimu hija li xtaq li jispiċċa minn ma’ Neptunes bil-kbir, kif fil-fatt ġara wara li Neptunes rebħu l-kompetizzjonijiet kollha maġġuri tal-ASA taqta’ biss l-Enemed Cup.
Għaldaqstant teżisti l-possibilità li Niki Lanzon jingħaqad għal ma’ tim ieħor għall-istaġun li ġej. Minkejja li jidher li għadu ma sar l-ebda kuntatt uffiċjali mal-plejer, timijiet bħal Exiles, fejn hemm ħuh Kayne, li għandu r-rwol ta’ kowċ u Marsaxlokk jistgħu minn ħin għall-ieħor jagħmlu tentattiv biex jakkwistaw il-firma ta’ dan il-plejer li għal darba oħra kellu staġun mill-aqwa.
//= $special ?>