Sport Waterpolo

Posillipo jiksbu rebħa meritata fuq it-tim Malti

(Ritratt: Jo Aquatic)

VALLETTA……….. 8 POSILLIPO………. 13

(2-3), (1-3), (2-3), (3-4)

It-tim Malti li qed jilgħab taħt l-isem ta’ Valletta, sofra l-ewwel telfa minn Grupp Ċ fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro Cup, b’telfa ta’ 13-8 kontra Posillipo, grupp li qed jintlagħab f’pajjiżna. It-tim Taljan kien aktar preċiż quddiem il-lasta u għaraf jiskorja f’mumenti importanti biex baqa’ dejjem pass qabel l-avversarji.

It-tim Malti mingħajr il-plejers influwenti Stevie Camilleri u Matthew Zammit flimkien ma’ Jeremy Abela, kellu nuqqas fix-xuttijiet minn pożizzjonijiet ċentrali. Dan it-tournament kompetittiv qed iservi ta’ preparazzjoni għat-tim nazzjonali Malti qabel il-grupp ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Portugall u r-Rumanija x-xahar id-dieħel.

Posillipo ħadu vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni minn Massimo Di Martire u Giuliano Mattiello. It-tim Malti daħal fil-logħba hekk kif Jerome Gabarretta u penalty ta’ Jordan Camilleri naqqsu d-distakk għal 3-2.

Fit-tieni sessjoni, Valletta kellhom mumenti aħjar speċjalment fl-ewwel parti fejn kienu qed jiddefendu tajjeb. Jordan Camilleri b’man-up maħdum tajjeb wieġeb għal Di Martire iżda f’mumenti meta l-Maltin dehru li qegħdin tajjeb, wasal gowl ta’ Luca Marziali minn man-up, b’Giuliano Mattiello jżid l-iskor għal 6-3 lejn it-tmiem.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess, bit-tim Taljan ftit aħjar minn dak Malti. Gianpiero Di Martire kabbar il-vantaġġ għal Posillipo, bit-tim ta’ Karl Izzo jkollu gowl imħassar għal rebound ta’ Jerome Gabbarretta fost protesti Maltin, gowl li wassal biex Posillipo għamlu l-iskor 8-4. Camilleri reġa’ naqqas id-distakk iżda Julien Lanfranco assigura vantaġġ komdu għat-tim tiegħu.

Dan id-distakk ħalla lit-tim Malti f’diffikultà biex jirkupra l-iżvantaġġ, xi ħaġa li fil-verità ma ġratx. Posillipo komplew jikkontrollaw il-logħba, għalkemm it-tim Malti baqa’ sal-aħħar mumenti jipprova jnaqqas id-distakk.

Valletta: N. Grixti, J. Gabarretta (3), A. Galea, G. Pace, Da. Zammit, B. Plumpton, N. Zammit (1), J. Camilleri (3), M. Spiteri Staines, A. Cousin, J. Muscat (1), D. Zammit, A. Borg Cole

Posillipo: R. Spinelli, M. Di Martire (2), A. Picca, G. Mattiello (2), P. Parrella (2), L. Marziali (2), J. Lanfranco (1), G. Di Martire (1), A. Scalzone, M. Ricci (2), P. Saccoia, T. Negri

Referees: Luis Santos (Portugall), Sergio Jimenez (Spanja)

Riżultati: Noisy v Miskolcz 10-15, Valletta v Posillipo 8-13

Is-Sibt: Miskolc v Posillipo 5.00pm, Noisy v Valletta 6.15pm

Il-Ħadd: Posillipo v Noisy 9.00am, Valletta v Miskolc 10.15am