Żewġt aħwa mill-Ġorġja wieħed ta’ 28 u l-ieħor ta’ 24 sena flimkien ma’ Amerikan ta’ 28 sena, li lkoll huma ‘homeless’ ammettew li daħlu f’villa abbandunata fi Triq Kaless f’Santa Venera, wara li kissru ħġieġa.
L-Ispettur Matthew Galea qal fil-Qorti li dawn il-persuni m’għandhomx saqaf fuq rashom u għamlu hekk wara li għal seba’ ġimgħat kienu f’xelter għall-akkomodazzjoni, u li kien għaddilhom iż-żmien biex jibqgħu fir-residenza.
Huwa qal li għamlu dak li għamlu biex ikollhom saqaf fuq rashom u xejn aktar. Kemm il-Prosekutur kif ukoll l-Avukat Difensur Chairmane Cherrett qalu li l-irġiel huma lesti li jħallsu tal-ħġieġa li kissru li tiswa’ biss ħames ewro u li jixtiequ li jsibu residenza hekk kif huma jaqbdu l-ewwel paga fl-aħħar tax-xahar.
L-Avukat qalet ukoll li l-akkużati dak inhar ippruvaw isibu kenn fil-Villa Fontaine Bleau peress li kienet qed nieżla ħafna xita. Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa għall-ħabta tal-3.45 p.m. u kontra nformazzjoni li kienet ħarġet f’xi setturi tal-medja, l-irġiel ma daħlux fil-post biex jisriqu.
Fil-fatt huma kienu mixlijin li għamlu vjolazzjoni kontra l-propjetà ta’ ħaddieħor, bil-Ġorġjani biss mixlijin li kissru l-ħġieġa, b’sid il-post lanqas biss irid li jfittex għad-danni fuq il-ftit ħsara li saret biex jidħlu fil-post. Huma ġew illiberati mill-Maġistrat Gabriella Vella, bil-kundizzjoni li ma jwettqux reat ieħor fi żmien sena.
//= $special ?>