33 punt ta’ Marc Gasol u 12-il assist ta’ Ricky Rubio għenu lil Spanja biex tagħmel rimonta li biha għelbet lill-Awstralja 95-88, biex b’hekk għaddiet għall-finali f’logħba li marret għall-ħin barrani darbtejn. L-Ispanjoli kienu punt vantaġġ sa tmiem l-ewwel perjodu iżda batew fil-konklużjonijiet tagħhom fit-tieni sessjoni, u ppermettew lill-Awstraljani jiftħu vantaġġ ta’ tmien punti.
Sa dak il-ħin, b’wirja brillanti ta’ Patty Mills li fil-logħba spiċċa b’34 punt, l-Awstralja dehret li se tilgħab il-finali għall-ewwel darba. Iż-żewġ timijiet bdew ibatu biex jiksbu l-punti mid-distanza, bl-Awstralja tkabbar il-vantaġġ għal aktar minn 10 punti fit-tielet perjodu.
L-Ispanjoli b’xi mod sabu tarf ta’ Mills, b’Rubio jiddetta l-logħba filwaqt li Gasol beda jnaqqas id-distakk. Minħabba li kemm l-Istati Uniti u s-Serbja kienu eliminati, iż-żewġ timijiet bdew iħossu l-opportunità li jaslu sal-finali u b’hekk il-konfront sar aktar fiżiku. Spanja sfurzat il-logħba fil-ħin barrani u wara li l-ewwel perjodu ntemm f’parità, l-Ispanjoli sabu r-ritmu neċessarju biex ħadu vantaġġ li kien determinanti biex rebħu l-logħba.
L-Ispanjoli jiltaqgħu fil-finali tal-Ħadd kontra l-Arġentina wara li dawn tal-aħħar rebħu 80-66 kontra Franza, b’Luis Scola jiskorja 28 punt. Franza ħolqot is-sorpriża tat-tournament wara li eliminat lill-Istati Uniti fil-kwarti tal-finali, iżda f’din il-logħba sabitha ftit diffiċli biex tiddomina, speċjalment fit-three pointers.
Frank Ntilikina spiċċa l-logħba b’16-il punt u Louis Labeyrie żied tmienja oħra minn fuq il-bank. Iżda huma ħallew il-linja miftuħa u ppermettew lill-Arġentini, jieħdu vantaġġ permezz tal-logħob aggressiv. Scola għamel tlieta mill-erba’ three pointers u disa’ mill-għaxar free throws, hekk kif l-Arġentina għaddiet għall-finali għall-ewwel darba mill-2002.
//= $special ?>