Rapport: George Cassar
TARXIEN RAINBOWS……………. 2 ĦAMRUN SPARTANS………………… 3
Tarxien: R. Briffa, M. Spiteri, T. Veronese, D. Zerafa, D. Mambouana, M. Stanojevic (M. Ciantar 90’), B. Farrugia (B. Muscat 82’), M. Miranda Gomez, A. Andrejic, J. Tenorio, M. Jelic (G. Camilleri 46’)
Ħamrun: J.C. Debattista, K. Micallef, C. Failla, O. Nikolopoulos, M. Cinquini, T. Caruana, N. Leone (R. Darmanin 72’), M. Criaco, S. Lagzir (B. Schembri 89’), Dodo, W. Domoraud
Imwissija: K. Micallef 32’ (Ħ), B. Farrugia 38’ (T), M. Sanojevic 43’ (T), T. Caruana 45’ (Ħ), D. Mambouana 45’ (T), M. Spiteri 56’ (T)
Tkeċċew: D. Mambouana 46’ (T), M. Bartolo 46’ (Ħ)
Skorjaw: S. Lagzir 15’, W. Domoraud 60’, W. Domoraud 82’ pen (Ħ), T. Veronese 19’, A. Amdrejic 61’ (T)
Referee: Daniel Portelli
Assistenti Referees: Christopher Francalanza, James Muscat
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Dodo (Ħamrun Spartans)
BOV Plejer tal-logħba: William Domoraud (Ħamrun Spartans)
Attendenza: 318
Minkejja li lagħbu għal taqsima sħiħa bi plejer inqas, Tarxien Rainbows taw battikata lil Ħamrun Spartans, b’dawn tal-aħħar jirbħu biss b’penalty tmien minuti mit-tmiem. Din il-partita kienet l-ewwel waħda fil-Premier għar-referee Daniel Portelli li l-ewwel taqsima tiegħu fl-ogħla diviżjoni ma kinitx waħda faċli hekk kif wera ħames karti sofor u tnejn ħomor.
Wara sitt minuti Ħamrun resqu qrib meta minn azzjoni maħluqa minn Dodo fuq ix-xellug, il-ballun spiċċa għand Marco Criaco li x-xutt tiegħu stampa mal-mimduda. Ħamrun fetħu l-iskor wara kwarta meta l-kross fil-baxx mix-xellug ta’ Marco Criaco daħal għalih bil-ġirja SOUFIANE LAGZIR u għeleb lil Rudy Briffa. Tarxien mill-ewwel irkupraw minn dan l-iżvantaġġ għax wara erba’ minuti kisbu l-gowl tal-parità. Ix-xutt ta’ THOMAS VERONESE minn madwar tletin metru bogħod kien ċentrali iżda għadda minn bejn idejn il-gowlkiper Jean Claude Debattista u spiċċa fix-xibka.
Fi tmiem l-ewwel taqsima, hekk kif il-plejers kienu ħerġin mill-grawnd, kien hemm argument bejn id-difensur ta’ Tarxien Destin Mambouana u l-gowlkiper ta’ riserva ta’ Ħamrun Manuel Bartolo li t-tnejn spiċċaw intwerew il-karta l-ħamra.
L-Ispartans reġgħu marru fil-vantaġġ ftit sekondi qabel is-siegħa logħob meta WILFRIED DOMORAUD mattar siequ biex kompla għal ġox-xibka l-kross mix-xellug ta’ Clayton Failla. Il-ferħ tal-Ħamruniżi ma kienx twil għax minuta wara reġgħu intlaħqu mir-Rainbows. Il-kross mix-xellug ta’ Jairo Andres Tenorio kien imwaqqaf minn Clayton Failla li iżda warajh kien hemm ALEKSA ANDREJIC li ħataf il-ballun u skorja mill-qrib.
Kwarta mit-tmiem Ħamrun reġgħu laqtu l-lasta meta x-xutt ta’ Dodo kien salvat minn Rudy Briffa bil-ballun jibqa’ sejjer mal-wieqfa iżda jibqa’ ma jaqbiżx il-linja tal-gowl. Seba’ minuti mit-tmiem il-gowlkiper Tarxiniż ġie ġġudikat li waqqa’ lil WILFRIED DOMORAUD f’nofs il-kaxxa. Ir-referee saffar għal penalty li ġie skurjat mill-istess attakkant Franċiż u b’hekk ta l-ewwel rebħa tal-kampjonat lill-Ħamrun filwaqt li ħalla lil Tarxien bla punti.
//= $special ?>