Futbol Sport

Wolfsburg miżmuma milli jitilgħu fil-quċċata tal-Bundesliga bi draw barra minn darhom

(Ritratt: EPA)

Wolfsburg kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra Fortuna Düsseldorf biex tilfu ċ-ċans li tal-anqas momentarjament jitilgħu fil-quċċata tal-klassifika.

Gowl spettakolari minn angolu ristrett ta’ Nico Giesselman poġġa lil Fortuna Düsseldorf fil-vantaġġ fis-17-il minuta, gowl li wasal wara kross mil-lemin. Iżda Wolfsburg wettqu reazzjoni u ġabu d-draw 12-il minuta meta Wout Weghorst skorja meta kompla għal ġewwa mill-ewwel wara li rċieva kross fil-baxx mil-lemin f’azzjoni maħduma tajba.

Maximilian Arnold seta’ poġġa lil Wolfsburg minn fuq fil-bidu tat-tieni taqsima iżda Steffen kien attent u salva fuq ix-xellug tiegħu. Kemm Brekalo kif ukoll Weghorst setgħu għamlu aħjar fl-ewwel għaxar minuti tat-taqsima. Aktar ma beda jgħaddi l-ħin, Fortuna Düsseldorf bdew isibu r-ritmu tagħhom, tant li kellhom l-aħjar mumenti lejn it-tmiem, b’Wolfsburg jonqsu li jitfgħu l-pressjoni neċessarja.