SIRENS………………… 2 HIBERNIANS………………….. 1
Sirens: D. Cassar, A. Bustos, S. dos Anjos, A. Borg (D. Sant 90’), T. Espindola, E. Cesani, I. Adeshina, W. de Oliveira (R. Fenech 81’), E. Okoye, S. Eddin Arab (L. Sciberras 68’), F. Cheveresan
Hibernians: M. Jovicic, J. Mbong, M. Barbosa (T. Groothusen 41’), A. Agius, F. Apap, D. Vella (T. Tabone Desira 90’), B. Kristensen, J. Grech, C. Atsina (M. Beerman 57’), G. Izquier, L. Nanni
Imwissija: E. Cesani 28’, A. Bustos 43’, I. Adeshina 45’ (S), M. Barbosa 37’, J. Mbong 51’ (H)
Skorjaw: T. Espindola 9’, F. Cheveresan 54’ (S), D. Sant 95’ og (H)
Referee: Darryl Agius
Assistenti Referees: Duncan Sultana, Darko Stankovic
Il-Mument Plejer tal-logħba: Thiago Espindola (Sirens)
BOV Plejer tal-logħba: Raphael dos Anjos (Sirens)
Hibernians wettqu reazzjoni tard wisq biex isalvaw il-logħba kontra Sirens li kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u kkonfermaw il-bidu brillanti tagħhom tal-istaġun. Sirens kienu meritatament fil-vantaġġ b’żewġ gowls fl-ewwel siegħa tal-logħba, iżda fl-aħħar fażi niżlu wisq fid-difiża u kienu dominati mill-Pawlisti li għal ftit ma salvawx il-logħba.
Sirens ma setax kellhom bidu aħjar għal din il-logħba għaliex fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni perikoluża tagħhom meta free-kick mogħti minn THIAGO ESPINDOLA ma kien meħud minn ħadd bil-ballun jispiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Ir-reazzjoni tal-Pawlisti kienet pjuttost konfuża anki għaliex Sirens bdew jagħlqu sew l-ispazji u jużaw tajjeb il-linji fil-kontrattakki tagħhom fejn Wellington u Bustos bdew jispikkaw.
Minkejja dan Hibernians kellhom ħafna inizjattiva iżda verament ftit azzjonijiet perikolużi. L-ewwel tentattiv perikoluż wasal minn azzjoni ta’ korner u daqqa ta’ ras ta’ Andrei Agius li kienet salvata minn Cassar. Fl-34 minuta kien il-captain Bjorn Kristensen li pprova xortih minn tarf il-kaxxa iżda l-ballun mar barra. Erba’ minuti wara Espindola reġa’ pprova xortih minn free-kick, iżda din id-darba l-konklużjoni kienet ċentrali wisq biex tinkwieta lil Jovicic. Fl-aħħar ħinijiet tat-taqsima Hibernians żiedu l-pressjoni tagħhom b’Cassar jimblokka xutt ta’ Nanni u daqqa ta’ ras Ferdinando Apap.
Hibernians ħarġu determinati fit-tieni taqsima u xutt imxellef ta’ Nanni għadda jħakkek mal-wieqfa. Fl-54 minuta Sirens għamluhom tnejn f’azzjoni ta’ kontrattakk veloċi li sab lid-difiża Pawlista żbilanċjata fejn FLAVIO CHEVERESAN daħal tajjeb u għeleb lil Jovicic b’xutt b’saħħtu. Minkejja din id-daqqa ta’ ħarta, Hibernians ma rmewx ix-xugaman bil-kowċ Sanderra jintroduċi lil Myles Beerman, u mas-siegħa logħob Hibernians viċin li jidħlu fil-logħba meta minn azzjoni ta’ korner daqqa ta’ ras ta’ Kristensen ħabtet mal-mimduda.
Ħames minuti wara Sirens reġgħu ħelsuha ħafif meta kien hemm nuqqas ta’ ftehim fid-difiża, daħal tajjeb Jake Grech li minn qagħda angolata impenja severament lil Cassar. Sirens issa ngħalqu wisq fid-difiża u Dunstan Vella falla ċans tad-deheb quddiem Cassar. L-assedju ta’ Hibernians kompla fl-aħħar minuti. Adrian Borg salva gowl ċert meta salva minn fuq il-linja xutt ta’ Nanni li kien qabeż anki lill-gowlkiper avversarju. Fid-90 minuta xutt ta’ Groothusen ħabat mal-wieqfa u fil-95 minuta Hibernians skorjaw gowl ta’ konsolazzjoni meta minn daqqa ta’ ras ta’ Kristensen, ix-xutt ta’ Groothusen kien salvat minn Cassar bil-ballun jaħbat ma’ Sant u jispiċċa fix-xibka.
//= $special ?>