Futbol Sport

Il-gowlkiper Naumovski jsalva punt għal Balzan b’gowl kontra l-eks tim tiegħu

BIRKIRKARA……………………. 3 BALZAN………………………. 3

Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, O. Carniello (G. Bugeja 79’), E. Pepe, I. Ntow, R. Fenech, M. Alba (K. Zammit 89’), H. Caio, M. Vella, M. Mifsud, F. Falcone

Balzan: K. Naumovski, I. Bozovic, M. Johnson, A. Kosoric, S. Bezzina, P. Fenech (L. Micallef 90’), U. Ljubomirac, R. Correa, A. Faria Machado (R. Scicluna 78’), A. Effiong (A. Majdevac 67’), L. Montebello

Imwissija: A. Effiong 28’, R. Correa 64’, P. Fenech 74’ (Ba), E. Pepe 32’, M. Vella 41’, I. Ntow 72’ (Bi)

Skorjaw: L. Montebello 6’, R. Correa 57’, K. Naumovski 90’ (Ba), F. Falcone 37’, M. Alba 45’, 86’ pen (Bi)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Thomas Debono

Il-Mument Plejer tal-logħba: Miguel Alba (Birkirkara)

BOV Plejer tal-logħba: Ricardo Correa (Balzan)

Attendenza: 839

Il-gowlkiper Kristijan Naumovski rnexxielu jagħmel dak li rari tiġri hekk kif skorja lejn it-tmiem biex evita telfa lit-tim tiegħu Balzan filwaqt li ċaħħad lill-eks tim tiegħu Birkirkara milli jikseb l-ewwel rebħa fi draw pjaċevoli ta’ 3-3. Fl-ewwel mumenti tal-logħba Balzan dehru fil-kontroll anki permezz tal-gowl li wasal ukoll mill-eks Luke Montebello. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Birkirkara rnexxielhom idawru r-riżultat anki permezz ta’ inġenwità ta’ Naumovski.

It-tim ta’ Jacques Scerri kellu bżonn biss sitt minuti biex mar fil-vantaġġ meta l-attakkant LUKE MONTEBELLO għeleb lil Andrew Hogg b’xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa. Ir-risposta ta’ Birkirkara waslet fl-14-il minuta b’xutt ta’ Michael Mifsud li kien salvat parzjalment minn Naumovski, bit-tieni xutt jgħaddi barra.

Birkirkara ġabu d-draw fis-37 minuta b’passaġġ preċiż ta’ Miguel Alba lejn FEDERICO FALCONE li kkontrolla u għeleb lil Naumovski b’xutt tajjeb fil-baxx. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-Istripes marru 2-1 minn fuq meta Naumovski naqas li jżomm xutt fil-baxx ta’ MIGUEL ALBA, bil-ballun jaħbat ma’ saqajn il-gowlkiper qabel daħal fix-xibka.

Balzan ġabu d-draw fis-57 minuta b’xutt tajjeb tax-xellugi RICARDO CORREA li għeleb lil Andrew Hogg. Naumovski salva lil Balzan fis-76 minuta meta salva b’siequ xutt ta’ Mifsud biex erba’ minuti wara l-gowlkiper ta’ Balzan reġa’ spikka meta salva fuq Henrique Caio. Birkirkara ngħataw penalty fil-85 minuta meta ġie ġġudikat li Ryan Scicluna waqqa’ lil Caio fil-kaxxa. Ir-referee Philip Farrugia ddeċieda mill-ewwel u ordna penalty. Inkariga ruħu MIGUEL ALBA li ma żbaljax.

Iżda l-logħba kienet għadha ma spiċċatx għaliex fil-ħin miżjud, Balzan ġabu d-draw meta minn korner mix-xellug, kien il-gowlkiper KRISTIJAN NAUMOVSKI li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Andrew Hogg fost il-ferħ ta’ sħabu u d-diżappunt ta’ Birkirkara.