Lokali

“Il-Gvern għandu jgħid bil-fatti kif se jiġġieled bis-serjetà l-ħasil tal-flus”

Ir-rapport tal-Moneyval, huwa l-aħħar minn sensiela ta’ rapporti internazzjonali u Ewropej li jikkundannaw lill-Gvern dwar il-mod li bih qed jibqa’ ma jieħux azzjoni biex isaħħaħ bil-fatti l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Il-Gvern mhux jimplimenta b’serjetà azzjoni konkreta kontra l-ħasil tal-flus li qed tħalli riperkussjonijiet kbar fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bħala ċentru tas-servizzi finanzjarji. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività għar-residenti tas-sitt distrett bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza.

Dr Delia qal li r-rapport tal-Moneyval jikkonferma dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni, li l-awtoritajiet jinsabu maħkumin mill-Gvern u li r-riżorsi limitati li qed iħallilhom m’humiex biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom bl-aħjar mod fuq każijiet relatati ma’ korruzzjoni u ħasil tal-flus. Minħabba li l-Gvern ħataf taħt idejh l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, li suppost li qegħdin hemmhekk biex jiddefendu lin-nies, dawn mhux fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġġieldu l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus mingħajr biża u mingħajr pressjoni politika.

Adrian Delia qal li ftit tax-xhur ilu, l-Kunsill tal-Ewropa kien approva r-rapport tal-Moneyval dwar miżuri kontra l-ħasil tal-flus, li kien kritiku ferm dwar l-isforzi li qed isiru biex jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus. Ir-rapport jagħmilha ċara li l-awtoritajiet iridu jsaħħu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet relatati mal-ħasil tal-flus. Huwa qal li dan kollu qiegħed iħalli impatt negattiv ukoll fuq is-settur finanzjarju f’pajjiżna, speċjalment minħabba l-mod kif il-Gvern tappan ir-reputazzjoni tajba ta’ Malta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ż-żmien li l-Gvern joqgħod jilqa’ biss dawn ir-rapporti internazzjonali u Ewropej, li qegħdin jikkundannawh, u jibqa’ ma jagħmel xejn issa spiċċa u għandu minnufih jgħid b’mod dettaljat x’se jkun qiegħed jagħmel sabiex verament jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus. Dan b’riperkussjoni fuq is-settur finanzjarju ta’ pajjiżna, li joffri x-xogħol lil eluf ta’ professjonisti u żgħażagħ. Adrian Delia qal li jekk il-Gvern ma jinteressahx, se jkun il-Partit Nazzjonalista li jerġa’ jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u jara li s-settur finanzjarju jiġi mħares u jikber.