Tkompli tisħon il-qiegħa bejn l-Assoċċjazzjoni tal-Bdoti, l-ALPA, u l-management tal-Air Malta li qed tallega li numru eżaġerat ta’ bdoti qed jirrappurtaw li huma morda.
Fi stqarrija iebsa, l-ALPA akkużat lill-Air Malta li bħal ma diġa għamlet diversi drabi fi-passat, qed tuża lill-bdoti biex tgħatti l-istat reali tal-affarijiet fil-linja Nazzjonali u dak li l-union sejħet management ħażin ħafna fl-għola livelli tal-kumpanija.
L-ALPA qalet li mhux xi sigriet li l-immaniġjar ħazin fl-Air Malta laħaq livelli li qatt ma ntlaħqu qabel u li dan qed iwassal għal turbolenzi għall-passiġġieri u l-ħaddiema tal-linja nazzjonali.
Huwa għalhekk li l-Air Malta tidher deċiża li tkompli tivvinta aktar gideb, minkejja li l-linja tal-ajru ma’ talbitx investigazzjonijiet formali dwar l-akkużi li qed tagħmel dwar il-bdoti.
L-ALPA ħeġġet lill-Air Malta biex tiftaħ investigazzjoni dwar il-kawżi tal-għejja kbira u l-mard li qed jirrapurtaw xi membri tagħha.
Aktar kmieni Konrad Mizzi hedded indirettament lill-bdoti hekk kif is-Sibt filgħodu waqt attività marbuta mal-linja Nazzjonali tal-Ajru qal li jista’ jagħti l-każ li kumpanija oħra titqabbad biex topera s-servizz lejn New York.
Il-Ministru tat-Turiżmu qal li l-gvern għad irid jiddeċiedi jekk ir-rotta hux se tinħadem mill-Air Malta, mill-linja l-ġdida il-Malta Med Air jew minn kumpanija oħra.
Konrad Mizzi ma kienx l-uniku wieħed li kkritika lill bdoti hekk kif waqt l-istess attività, Charles Mangion, illum Chariman tal-Air Malta wkoll kellu kliem iebes għal “xi membri” tal-kumpanija.
Kien propju wara din l-attivita, li l-ALPA mbagħad ħarġet l-istqarrija tagħha biex tirribatti l-allegazzjonijiet tal-Ministru u ċ-Chairman.
Din is-sitwazzjoni tkompli żżid mal-pressjoni li għandu l-Ministru hekk kif l-Air Malta għadha fiż-żona l-ħamra għal dik li hi sitwazzjoni finanzjarja, u qed ikollha tonfoq flejjes kbar biex tikri aktar ajruplani biex tipprova tlaħħaq ma’ l-iskeda ppakkajata li kull ma jmur qed tirriżulta li saret mingħajr pjanar.
//= $special ?>