Futbol Sport

Inter jibqgħu b’punti massimi

(Ritratt: EPA)
Napoli jirritornaw għar-rebħ

Inter baqgħu b’punti massimi wara tliet logħbiet hekk kif għelbu l-isfida ta’ Udinese 1-0 biex b’hekk jinsabu żewġ punti fuq Juventus li aktar kmieni lbieraħ waqqgħu żewġ punti. Udinese kellhom jilagħbu kważi siegħa b’raġel anqas wara li tkeċċa Rodrigo de Paul għal ritaljazzjoni f’konfront ma’ Antonio Candreva.

Il-gowl deċiżiv wasal ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima meta kross mil-lemin ta’ Diego Godin sab lil STEFANO SENSI li tar minn tulu biex b’daqqa ta’ ras għeleb lil Juan Musso. Fit-tieni taqsima Inter baqgħu jikkontrollaw il-logħba iżda ma sabux it-tieni gowl li kien jagħlaq il-logħba biex baqgħu sal-aħħar jistennew it-tisfira finali.

Napoli kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun b’rebħa ta’ 2-0 kontra Sampdoria fi Stadio San Paolo, b’Sampdoria jsofru t-tielet telfa konsekuttiva. L-eroj tan-Naplitani kien DRIES MERTENS.

L-ewwel fetaħ l-iskor fit-13-il minuta meta kompla għal ġewwa kross mil-lemin ta’ Giovanni Di Lorenzo. Fit-tieni taqsima, reġa’ kien DRIES MERTENS li rċieva passaġġ mingħand id-debuttant Fernando Llorente u skorja b’xutt mill-ewwel mill-kaxxa li kien imxellef.