Lokali

Jerġa’ jitħassar l-Airshow … u l-Gvern jibqa’ jinjora lil kulħadd

“Is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni tinsab diżappuntata li l-Gvern m’għamilx l-isforzi kollha tiegħu biex l-Airshow iseħħ”

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Gvern reġa’ falla lid-dilettanti tal-ajruplani, li kienu ilhom is-snin jattendu bi ħġarhom għall-air shows  li kienet issir ta’ kull sena f’pajjiżna.  Dan hekk kif, għal darboħra, ġie mħabbar li l-avveniment Malta International Airshow 2020 se jkun qed jitħassar ukoll. 

L-aħħar Air Show li ttelgħet f’pajjiżna tmur lura għall-2017, b’dik tal-2018 u ta’ din is-sena baqgħu ma ttellgħux. U issa, anke dik tal-2020 tħassret.

Dan ifisser li Malta se terġa tkun l-uniku pajjiż Ewropew li mhux se jkollha Air show hekk kif kull pajjiż Ewropew ieħor għandu din it-tip ta’ wirja.

F’post li ttegħu fuq Facebook, il-Malta International Airshow (MAS) esprimew id-diżappunt tagħhom lejn il-Gvern hekk kif deher biċ-ċar li l-Gvern m’għamilx ħiltu biex dan l-avveniment tant popolari f’pajjiżna jseħħ … anzi, lanqas biss wera interess.

Huma komplew jgħidu li minkejja x-xogħol u preparazzjonijiet li saru għal xhur sħaħ, kollox kellu jitħassar hekk kif ma ngħatawx spazju ta’ parkeġġ biex fih iseħħ l-Airshow.

L-organizzaturi dejjem ħarsu lejn l-Airshow bħala opportunità edukattiva. Dan għaliex din kienet l-uniku avveniment li fih, żgħażagħ li jixtiequ jaħdmu fis-settur, setgħu jiltaqgħu ma’ piloti u crew ta’ kalibru kbir.

Fl-Airshow kont issib ekwipaġġi tal-militar, timijiet akkrobatiċi, protezzjoni civili, AFM imma anke piloti kummerċjali ta’ livell għoli.

Madanakollu, f’dawn l-aħħar snin, minkejja li l-organizzaturi u d-dilettanti ripetutament talbu lil Ministru tat-Turiżmu, Konrad Mizzi għall-għajnuna biex dan l-avveniment isir, huma ġew injorati.

Biex għat-tielet sena konsekuttiva, id-dilettanti se jergħu jibqgħu.. b’xiber imnieħer.