Minkejja l-assigurazzjonijiet li x-xogħol f’Santa Lucija qed isir b’reqqa kbira biex ma ssirx ħsara lis-sejbiet arkeoloġiċi fil-qrib, is-Sibt minn sbieħ il-jum, beda għaddej xogħol ta’ tħaffir b’jigger.
Dan minkejja li l-perit tal-proġett Raphael Abidlla, u s-Supretendent tas-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Joe Magro Conti, ftit tal-jiem ilu qalu li saru bidliet fil-mod kif għandu jsir ix-xogħol biex tiġi assigurata il-preservazzjoni ta’ dawn is-sejbiet storiċi.
Filfatt Magro Conti qal li l-fdaljijet ta’ dik li tidher li kienet sistema agrikola antika nstabu fl-akkwati, u ż-żona kellha tiġi skavata bl-idejn taħt is-superviżjoni tal-arkeoloġi.
Fiż-żona nstabu wkoll xi oqbra antiki, li l-istudji fuqhom għadhom għaddejjin.
Is-sejbiet jidher li jmorru lura għall-era punika ta’ żmien ir-Rumani.
Intant ix-xogħol bl-inġenji l-kbar jidher li baqa’ għaddej qisu xen mhu xejn. Dan minkejja li l-Għaqda Save Santa Lucia Open Spaces kienet talbet biex jitwaqqfu x-xogħlijiet sakemm ikunu konklużi l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi kollha neċessarji.
F’Facebook post li għamel dalgħodu d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal hekk: “Ilhom iqattghu bil-jigger minn sbieh il-jum. Ma qalux li ha jipprotegu l-iskavi arkeologici?”
//= $special ?>