Futbol Sport

Lija jegħlbu lil Pembroke b’doppjetta ta’ Beu

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

LIJA ATHLETIC ………………… 2 PEMBROKE ATHLETA ………..……. 1

Lija: L. Bonnici, C. Cassar, A. White, L. Muscat, C. Giordemaina, A. Borg, A. Galea (D. Scerri 78’), C. Gauci, K. Seakanyeng, E. Beu, H. Palomino

Pembroke: P. Schranz, G. Azzopardi, D. Isakovic (M. Brincat 72’), Y. Shaba, A. Sultana, T. Fenech, D. Camilleri, N. Frendo, J. Pedrinho, Y. Tonna (A. Smeir 80’), J.P. Mifsud Triganza

Referee: Trustin Farrugia Cann

Erjon Beu kien il-protagonista għal Lija fl-ewwel logħba tal-kampjonat meta skorja doppjetta kontra Pembroke bil-gowl rebbieħ jasal kwarta mit-tmiem. Kienet logħba mill-iktar bilanċjata u missielta bejn żewġ timijiet li jistgħu jkunu fost il-protagonisti f’dan l-istaġun.

It-tim ta’ Lija ftit wettaq bidliet mit-tim tal-istaġun li għadda u kellu bidu tajjeb meta wara biss tliet minuti fetaħ l-iskor meta ERJON BEU b’xutt mid-distanza ħasad għal kollox lill-gowlkiper avversarju bil-ballun jispiċċa fix-xibka. Iżda Lija ma tantx damu jgawdu dan il-vantaġġ għaliex tliet minuti biss wara Pembroke kisbu l-gowl tad-draw meta minn kross mil-lemin il-ballun wasal għand JOAO PEDRO li mill-viċin spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka. Għall-kumplament tat-taqsima ż-żewġ naħat kellhom diversi ċansijiet ta’ skor iżda l-iskor ma nbidilx sal-intervall.

L-andament tal-logħba ftit inbidel fit-tieni taqsima biż-żewġ naħat jippruvaw it-triq lejn il-lasta b’futbol tajjeb. Kwarta mit-tmiem Lija skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta Seakanyeng qassam lejn ERJON BEU li minkejja li ssikkat minn difesnur irnexxielu jżomm il-pussess tal-ballun u jegħleb lil Philip Schranz b’xutt b’saħħtu.

Fil-ħin li kien baqa’ u kif kien mistenni Pembroke wettqu reazzjoni tajba biex isalvaw il-logħba u fit-88 minuta kien il-gowlkiper Luke Bonnici li salva lil sħabu b’intervent brillanti fuq xutt ta’ Joao Pedro.