Wara li fl-aħħar tliet logħbiet kisbu biss żewġ punti, Manchester United jinsabu taħt pressjoni li jirritornaw għar-rebħ hekk kif ma jistgħux ikomplu jwaqqgħu l-punti f’dan l-istadju bikri tal-kampjonat. Fil-preżent jinsabu fit-tmien post b’ħames punti, sebgħa taħt il-leaders Liverpool. Aktar minn hekk, Leicester jinsabu tliet punti fuqhom fit-tielet post u għalhekk telfa f’dan il-konfront jara d-distakk jikber għal sitt punti.
Leicester flimkien ma’ Wolves u Everton huma t-timijiet li potenzjalment jistgħu jkissru d-dominju tas-sitta l-kbar u minħabba dan il-fatt, f’dan l-istadju jista’ jitqies pjuttost konfront dirett. Leicester jistgħu jibqgħu bla telfa wara ħames logħbiet għat-tieni darba fl-aħħar 19-il sena, bl-unika okkażjoni tkun fis-sena meta rebħu l-Premier League.
Il-manager ta’ Manchester United Ole Gunnar Solskjaer se jkollu jgħaddi mingħajr Luke Shaw, Anthony Martial u Paul Pogba, b’Aaron Wan-Bissaka u Jesse Lingard jinsabu dubjużi. Leicester fuq in-naħa l-oħra jinsabu bl-iskwadra kollha għajr Matty James.
It-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat bejn Manchester City u Liverpool tkompli, bit-tnejn jibdew favoriti li jirbħu. Liverpool jilqgħu f’Anfield lil Newcastle fl-ewwel konfront tal-ġurnata bl-għan li jkabbru s-sensiela mingħajr telfa f’darhom għal 24 logħba filwaqt li jiksbu l-14-il rebħa konsekuttiva.
Newcastle fuq in-naħa l-oħra ġejjin minn rebħa u draw fl-aħħar żewġ logħbiet u qed jittamaw li jirbħu barra minn darhom tim li jinsab fil-quċċata għall-ewwel darba. Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp jibqa’ mingħajr il-gowlkiper Alisson Becker filwaqt li Naby Keita riesaq li jkun fiżikament tajjeb. Fuq in-naħa l-oħra, Steve Bruce se jkollu jilgħab mingħajr Sean Longstaff u Matt Ritchie filwaqt li Andy Carroll u Allan Saint-Maximin għadhom mhux fiżikament tajbin biex jilagħbu.
Manchester City imorru f’Carrow Road kontra Norwich, b’tal-aħħar jippruvaw iwettqu sorpriża. Il-manager taċ-champions Ingliżi Pep Guardiola rċieva l-aħbar li Aymeric Laporte se jdum barra ħames xhur u b’hekk jingħaqad ma’ Leroy Sane bħala injuries fit-tul. Norwich ukoll għandhom ftit problemi ta’ formazzjoni hekk kif se jkunu mingħajr Max Aarons li għandu madwar xahar barra, Timm Klose li se jdum madwar disa’ xhur u Christoph Zimmermann għandu sa Jannar barra.
Tottenham se jfittxu l-ewwel rebħa mill-ewwel logħba f’wieħed mid-derbies ta’ Londra kontra Crystal Palace. Issa li s-suq tat-trasferimenti spiċċa, il-manager Mauricio Pochettino jaf li għandu l-iskwadra kollha u rebħa f’din il-logħba tista’ tgħin biex tibdel ftit l-ambjent. Iżda quddiemhom se jsibu tim li tjieb fid-difiża mill-ewwel logħba u ġej minn żewġ rebħiet konsekuttivi. It-tim ta’ Roy Hodgson għandu l-aħjar difiża fil-kampjonat u fil-preżent jinsabu żewġ punti fuq Tottenham.
Premier League
Illum: Liverpool v Newcastle 1.30pm, Brighton v Burnley 4.00pm, Manchester United v Leicester 4.00pm, Sheffield United v Southampton 4.00pm, Tottenham v Crystal Palace 4.00pm, Wolves v Chelsea 4.00pm, Norwich v Manchester City 6.30pm
Għada: Bournemouth v Everton 3.00pm, Watford v Arsenal 5.30pm
It-Tnejn: Aston Villa v West Ham 9.00pm
//= $special ?>