Futbol Sport

Mane u Salah iħallu lil Liverpool b’punti massimi

(Ritratt: Premier League)

Liverpool assiguraw posthom waħedhom fil-quċċata tal-Premier League għal ġimgħa oħra b’rebħa ta’ 3-1 f’Anfield kontra Newcastle United. Din kienet l-14-il rebħa konsekuttiva għalihom u l-ħamsa waħda f’dan il-kampjonat.

Kienu Newcastle li fetħu l-iskor wara seba’ minuti meta Jetro Williams irċieva ballun tajjeb mingħand Christian Atsu, ġibed il-ballun għan-nofs b’finta tajba u b’xutt b’saħħtu ma tax ċans lil Adrian. Liverpool ġabu d-draw fit-28 minuta b’konklużjoni sabiħa ta’ Sadio Mane li spiċċat fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Liverpool marru fil-vantaġġ fl-40 minuta meta b’intelliġenza Roberto Firmino qassam fl-ispazju wara d-difiża lejn Sadio Mane. Il-gowlkiper Martin Dubravka naqas li jżomm il-ballun u Mane skorja mill-qrib. It-tim ta’ Jurgen Klopp għalaq il-logħba fit-72 minuta meta Mohamed Salah ħabbat il-ballun ma’ Firmino u b’ġirja tipika tiegħu skorja b’xutt għar-rokna.