Futbol Sport

Rebħiet kbar għal Tottenham u Chelsea … Man United isofru iżda jiksbu tliet punti importanti

(Ritratt: EPA)

It-timijiet il-kbar Tottenham Hotspur, Manchester United u Chelsea kollha kisbu t-tliet punti, bl-ewwel tnejn jirbħu f’darhom u telgħu mal-ewwel erbgħat. Chelsea jinsabu daqs Tottenham, Manchester United u Leicester iżda għandhom differenza ta’ gowls inferjuri.

Tottenham ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Crystal Palace 4-0, bil-gowls jaslu kollha fl-ewwel taqsima. Heung-Min Son fetaħ l-iskor wara 10 minuti b’xutt fil-baxx u rduppjaw fil-21 minuta b’awto-gowl ta’ Patrick Van Aanholt. L-iskor sar 3-0 żewġ minuti b’gowl ieħor ta’ Heung-Min Son biex Erik Lamela għamilhom erbgħa fit-42 minuta.

Chelsea kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat b’rebħa kbira ta’ 5-2 kontra Wolves f’Molineux Stadium. Protagonist għat-tim ta’ Frank Lampard kien l-attakkant Tammy Abraham. Wara li d-difensur Fikayo Tomori fetaħ l-iskor fil-31 minuta, Abraham irdoppja tliet minuti wara u żied ieħor fil-41 minuta. Iż-żagħżugħ għaqqad it-tripletta personali fil-55 minuta, b’Wolves inaqqsu d-distakk għal 4-2, l-ewwel b’awto-gowl tal-istess Abraham fid-69 minuta imbagħad minn Patrick Cutrone fil-85 minuta. Mason Mount issiġilla r-rebħa għal Chelsea fil-ħin miżjud.

Manchester United irritornaw għar-rebħ wara nuqqas ta’ tliet logħbiet b’rebħa sofferta ta’ 1-0 kontra Leicester, bit-tim ta’ Brendan Rodgers isofri l-ewwel telfa. Il-gowl deċiżiv wasal wara tmien minuti minn penalty ta’ Marcus Rashford wara li kien hu stess li twaqqa’ fil-kaxxa. Ir-Red Devils kellhom isofru l-pressjoni tal-avversarji speċjalment fl-aħħar 20 minuta iżda ddefendew b’għaqal.

Riżultati: Liverpool v Newcastle 3-1, Brighton v Burnley 1-1, Manchester United v Leicester 1-0, Sheffield United v Southampton 0-1, Tottenham v Crystal Palace 4-0, Wolves v Chelsea 2-5