Futbol Sport

Sarri mistenni jagħmel id-debutt uffiċjali fit-tmexxija ta’ Juventus illum

Maurizio Sarri mistenni jagħmel id-debutt uffiċjali fit-tmexxija ta’ Juventus wara li tilef l-ewwel żewġ logħbiet minħabba li kien għadu qed jirkupra minn pulmonite. Juventus jilagħbu fi Stadio Artemio Franchi kontra Fiorentina f’dak li hu meqjus bħala l-aħjar konfront tal-ġimgħa.

Fiorentina jinsabu b’entużjażmu wara li Rocco Commisso ħa l-kmand tal-klabb mingħand l-aħwa Della Valle f’dan is-sajf. Iżda minkejja l-pożittività, Fiorentina għadhom mingħajr punti wara telfiet ta’ 4-3 kontra Napoli u 2-1 kontra Genoa. Din il-logħba hi importanti għall-partitarji ta’ Fiorentina li jqisu din il-logħba bħala logħba kontra r-rivali. Il-kowċ Vincenzo Montella qed jitlob prestazzjoni pożittiva, speċjalment minħabba li b’telfa oħra jibda jkun taħt pressjoni.

Franck Ribery jista’ jkun fil-formazzjoni inizjali, plejer li qatt ma tilef fil-karriera f’ħames logħbiet kontra Juventus. Fl-aħħar ġurnata tas-suq tat-trasferimenti, Fiorentina akkwistaw lill-attakkant Pedro, lill-midfielder Bobby Duncan u l-winger Rachid Ghezzal. Juventus jistgħu jagħmlu tliet rebħiet konsekuttivi f’Firenze għall-ewwel darba mill-1952. Il-Viola rebħu biss darbtejn fl-aħħar 20 sena.

Inter se jkunu qed ifittxu li jiksbu t-tielet rebħa konsekuttiva, b’Alexis Sanchez jista’ jagħmel id-debutt kontra l-eks tim tiegħu Udinese. Iċ-Ċilen sa issa kien fuq il-bank tas-sostitut fir-rebħa li kellhom kontra Cagliari u jista’ jkun inkluż jekk il-kowċ Antonio Conte jagħmel bidla tattika u minn 3-5-2 jeqleb għal 3-4-3. Conte se jkollu wkoll lura lid-difensuri ċentrali Stefan de Vrij u Diego Godin.

Udinese se jkunu qed jilagħbu l-ewwel logħba barra minn darhom wara rebħa ta’ 1-0 kontra Milan u telfa ta’ 3-1 kontra Parma. Teżisti possibbiltà li l-akkwist il-ġdid Ken Sema jagħmel id-debutt u jkun ta’ sapport għal Rodrigo de Paul u Kevin Lasagna fl-attakk. Stefano Okaka hu wkoll għażla fl-attakk. Fl-aħħar 11-il logħba, Udinese rebħu biss darbtejn kontra Inter iżda ż-żewġ rebħiet waslu f’San Siro f’Diċembru tal-2014 u Diċembru tal-2017. Fl-aħħar konfront f’darhom, Inter rebħu 1-0.

Napoli jilqgħu lil Sampdoria fi Stadio San Paolo, bil-kowċ Carlo Ancelotti għandu ftit problemi fl-attakk. L-aħħar akkwist Fernando Llorente jista’ jagħmel id-debutt mill-bidu hekk kif Arkadiusz Milik hu mweġġa’ filwaqt li Lorenzo Insigne u Eljif Elmas mhux 100%. Napoli ġejjin minn telfa ta’ 4-3 kontra Juventus wara li kienu rkupraw żvantaġġ ta’ 3-0. Xejn għajr rebħa ma tiswa wara t-telfa li sofrew lejn it-tmiem kontra ċ-champions Taljani.

Statistikament, Napoli rebħu 12 mill-aħħar 16-il logħba kontra l-Blucerchiati. Sampdoria tilfu l-ewwel żewġ logħbiet 3-0 f’darhom kontra Lazio u 4-1 barra minn darhom kontra Sassuolo. Il-kowċ Eusebio Di Francesco mistenni jaqleb għas-sistema tiegħu 4-3-3, b’Gaston Ramirez u Gianluca Caprari mistenni jagħtu l-appoġġ fl-attakk lil Fabio Quagliarella.

Illum: Fiorentina v Juventus 3.00pm, Napoli v Sampdoria 6.00pm, Inter v Udinese 8.45pm

Għada: Genoa v Atalanta 12.30pm, Brescia v Bologna 3.00pm, Parma v Cagliari 3.00pm, Spal v Lazio 3.00pm, Roma v Sassuolo 6.00pm, Verona v Milan 8.45pm

It-Tnejn: Torino v Lecce 8.45pm