Lokali

Se nibqgħu niddefendu l-postijiet tax-xogħol li qed jipperikola l-Gvern

“Se nibqgħu niddefendu l-eluf ta’ postijiet tax-xogħol fis-settur finanzjarju u s-servizzi finanzjarji, wara li l-Gvern kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u qiegħed serjament jipperikola l-postijiet tax-xogħol meta mhux jimplimenta b’serjetà azzjoni konkreta kontra l-ħasil tal-flus.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.

Adrian Delia qal li l-Gvern mhux qed jindirizza dawn il-problemi li ġab hu stess b’serjetà, u minflok mal-midja internazzjonali l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna wera diżrispett kbir lejn il-ħaddiema u l-professjonisti meta qal li kulħadd għandu dawn il-problemi tal-ħasil tal-flus. Ir-rapport tal-Moneyval, huwa l-aħħar minn sensiela ta’ rapporti fosthom tal-GRECO u l-Kummissjoni Venezja li jikkundannaw lill-Gvern li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u ma jieħux azzjoni konkreta biex isaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u dan b’riperkussjonijiet fuq setturi kbar għall-ekonomija ta’ pajjiżna bħas-servizzi finanzjarji u l-igaming.

Adrian Delia qal li meta l-Gvern jgħid li qed jilqa’ rapport bħal tal-Moneyval, li huwa kundanna għall-Gvern, ikun ifisser li l-Gvern stess mhux jieħu l-affarijiet bis-serjetà u li mhux se jieħu azzjonijiet serji bi pjan konkret biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna terġa’ tissaħħaħ. Huwa qal li l-PN se jibqa’ juri lill-Gvern fejn qiegħed jagħmel ħażin u jixprunah sabiex jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn. Dan biex f’pajjiżna jkollna pjan fit-tul biex jiġi indirizzat il-ħasil tal-flus u naċċertaw li r-reputazzjoni tagħna terġa’ tissaħħaħ filwaqt li nuru mad-dinja kollha li f’pajjiżna hawn min jinteressah mir-reputazzjoni tagħna u mill-eluf ta’ postijiet tax-xogħol.

Adrian Delia qal li jeħtieġ li tittieħed azzjoni konkreta u ppjanata mill-Gvern biex terġa’ tissaħħaħ ir-reputazzjoni u biex l-istituzzjonijiet ikunu verament indipendenti u ħielsa, biex l-istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej ma jħarsux lejn Malta bħala tax haven, minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni u ħeġġa tal-Gvern. Dan wara li r-rapport tal-Moneyval ġie approvat fil-Kunsill tal-Ewropa, l-konsegwenzi jistgħu jkunu ferm gravi fuq pajjiżna, meta issa għandna biss ftit xhur oħra biex il-Gvern jirranġa s-sitwazzjoni sabiex pajjiżna ma jispiċċax black listed.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-postijiet tax-xogħol fis-settur finanzjarju jinsabu fil-periklu bin-nuqqas ta’ deċiżjonijiet tal-Gvern, l-istatistika qegħda turi li l-pagi f’Malta kienu l-inqas li żdiedu fl-Unjoni Ewropea kollha u dan meta l-istess żmien il-prezzijiet qegħdin dejjem jiżdiedu speċjalment tal-prodotti essenzjali fosthom l-ikel u tal-fuels, u magħhom ukoll tal-propjetà u l-kirjiet li qed iwassal biex il-familji jkollhom inqas flus fil-but, meta l-Gvern jibqa’ jiftaħar bis-surplus li mhux qed jasal għand kulħadd.

Adrian Delia qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan mhux wieħed sostenibbli u qed joħloq diffikultajiet kbar f’bosta settur bħall-pagi, l-infastruttura u t-trasport iżda speċjalment fuq l-ambjent tagħna. Meta hawn inqas spazji miftuħa, inqas siġar, aktar karozzi u aktar mard respiratorju relatati mat-tniġġis tal-arju, l-istatistika qed turi li pajjiżna għandu l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa kollha u iżjed Maltin jinsabu mħassbin bit-tibdil fil-klima. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-PN se jagħmel l-ambjent prijorità u ċ-ċentru tad-deċiżjonijiet fis-setturi kollha f’dik li tissejjaħ circular economy, b’hekk biss jista’ jkollna żvilupp sostenibbli.

Ritratt: Martin Agius