Lokali

Edizzjoni oħra suċċess tal-Wirja taż-Żwiemel

Il-Ħadd fil-Buskett ġiet organizzata edizzjoni oħra tal-Wirja taż-Żwiemel, imtella’ minn TimSport PN.

L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet waħda suċċess, tant li din kienet l-aktar waħda li fiha kien hemm parteċipazzjonijiet.

Għal dawk dilettanti taż-żwiemel, din kienet okkażjoni sabiħa, li grazzi għall-Partit Nazzjonalista daħlet fil-kalendarju annwali sportiv.

TimSport PN organizza l-Wirja taż-Żwiemel bħala parti mill-attivitajiet organizzati biex jitfakkar il-55 sena mill-kisba tal-Indipendenza.

Matul ix-xahar ta’ Settembru, din il-fergħa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista organizzat għadd ta’ attivitajiet oħrajn, fosthom il-Mixja u Ġirja, li wkoll ġibdet lejha ammont sabiħ ta’ parteċipanti.

Fi tmiem l-attività fil-Buskett, ingħataw għadd ta’ premijiet, fosthom iċ-Challenge Cups. Iżda għalkemm mhux kulħadd seta’ jirbaħ, TimSport PN ra li kull parteċipant jingħata rikonoxximent u ħadd ma jmur id-dar b’idu f’idu.

Għall-Wirja taż-Żwiemel attendew fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Ryan Callus, li ppreżentaw il-premijiet.

Qabel il-preżentazzjoni, huma ħadu l-okkażjoni jiltaqgħu mal-parteċipanti, il-qraba u l-ħbieb tagħhom, kif ukoll ma’ tant persuni li żaru l-post għax huma dilettanti taż-żwiemel.