F’għodwa ta’ festa għad-daqq tal-qniepen u l-ħsejjes tal-murtali, il-Maltin bi ħġarhom ħonqu t-toroq prinċipali tal-Belt Hompesch imżejjna bl-ifjen libsa biex jilqgħu l-wasla ta’ tradizzjoni unika fil-festi Maltin, il-pellegrinaġġ nazzjonali tar-roti u l-muturi tal-Festa tal-Madonna tal-Grazzja.
Iċ-ċiklisti ħadu r-rotta li mir-Rabat tgħaddi tul iċ-ċentru ta’ Malta filwaqt li s-sewwieqa tal-muturi mill-Mosta ġibdu lejn il-kosta tal-lvant ta’ Malta biex iż-żewġ pellegrinaġġi ltaqgħu l-Fgura.
Għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-pellegrinaġġ, immexxi minn skorta tal-Pulizija, l-Arċipriet, il-Kanonku Evan Caruana, kif ukoll xbieha tal-Kwadru Titulari Nkurunat tal-Madonna tal-Grazzja, feġġ biswit il-Bieb Hompesch u dar it-toroq Żabbarin sas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja.
Mal-wasla tal-pellegrinaġġ, l-Arċipriet għamel talba qasira ta’ ringrazzjament lill-Madonna tal-Grazzja u għadd ta’ saċerdoti bierku lis-sewwieqa u ċ-ċiklisti. Ma naqasx ukoll is-sehem tat-tfal u ż-żgħażagħ fil-pellegrinaġġ tar-roti, b’uħud minnhom ħadu sehem għall-ewwel darba.
Dan il-pellegrinaġġ beda jsir fl-1951, lejlet l-inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Madonna tal-Grazzja, wara li l-Papa Piju Tnax iddikjara lill-Madonna tal-Grazzja protettriċi tas-sewwieqa tal-muturi.
//= $special ?>