Lokali

“Inkattru l-ġid komuni għal kulħadd u nibnu soċjetà li jimpurtaha” – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed juri kif, bħala gvern alternattiv, se jkun qed jiffoka b'mod prinċipali fuq il-livell tal-għajxien tan-nies - Adrian Delia

“Fl-isfond tal-kisba importanti u storika tal-Indipendenza li għamel pajjiżna 55 sena ilu grazzi għall-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u għal mexxejja bħal Ġorġ Borg Olivier, missier Malta indipendenti, hekk ukoll illum il-Partit Nazzjonalista jrid jissokta jaħdem biex il-kisbiet li saru tul is-snin ma jtirux mar-riħ.

“Irridu li jkompli jitkattar il-ġid iżda dan il-ġid jeħtieġ li jgawdi minnu l-poplu Malti u Għawdxi kollu u mhux il-ftit.  “Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju, il-Partit Nazzjonalista hu l-għodda politika għall-aħjar ġejjieni għall-poplu Malti u l-unika alternattiva għall-gvern ta’ Joseph Muscat li mhux kapaċi jqassam il-ġid b’mod ġust bejn kulħadd.

“Għalhekk dawk kollha ta’ rieda tajba għandhom jingħaqdu magħna biex ikomplu jsaħħu l-kawża ta’ dan il-partit li proprju qed jorganizza dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tal-55 anniversarju tal-Indipendenza biex iwassal messaġġ qawwi favur it-tisħiħ tad-demokrazija u l-libertà u li jkollna soċjetà li jimpurtaha u li tassigura li ħadd ma jaqa’ lura jew fil-faqar kif sfortunatament qed jiġri spiss bħalissa.”

Din l-istqarrija għamilha Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista li fiha stieden lin-Nazzjonalisti kollha u lil dawk kollha ta’ rieda tajba li jinteressahom tassew minn pajjiżna biex f’dawn il-jiem jipparteċipaw fl-attivitajiet li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista biex jiċċelebra dan l-anniversarju importanti.

Aqra aktar fuq il-gazzetta il-mument.