Il-poplu fit-Tuneżija vvota fit-tieni elezzjoni ħielsa għall-Presidenza mir-rewwixta storika tal-2011 li qaċċtet lill-eks President Tuneżin, Ben Ali, minbarra li xprunat ir-Rebbiegħa Għarbija storika.
L-elezzjoni tressqet ‘il quddiem minn Novembru wara l-mewt, f’Lulju, ta’ Beji Caid Essebsi, li kien l-ewwel President Tuneżin elett b’sistema demokratika u li kien ilu fil-kariga mill-2014. Essebsi kien strumetnali biex it-Tuneżija, fil-parti kbira, tibqa’ stabbli fil-ħames snin tat-tmexxija tiegħu. Fil-preżent, l-Ispeaker tal-Parlament Tuneżin, Mohamed Ennaceur, qed jaqdi r-rwol ta’ President temporanju tat-Tuneżija.
Intant, 26 kandidat, fosthom żewġ nisa, ikkuntestaw l-elezzjoni li hi ‘prova’ għal waħda mill-iżgħar demokraziji fid-dinja.
Il-kandidat rebbieħ jeħtieġ li jikseb il-maġġoranza tal-voti u, f’każ li ħadd ma jirnexxilu jagħmel dan fl-ewwel rawnd, iż-żewġ kandidati bl-akbar numru ta’ voti jkunu jridu jikkuntestaw tieni votazzjoni deċiżiva – li minnha r-rebbieħ jew rebbieħa jirbħu d-dritt biex jmexxu lit-Tuneżija għal ħames snin.
Skont il-kostituzzjoni tat-Tuneżija, il-President għandu kontroll fuq id-difiża, il-politika barranija u s-sigurtà nazzjonali. Il-Prim Ministru, li jintgħażel mill-Parlament, ikun responsabbli mid-dekasteri l-oħrajn.
L-elezzjonijiet għall-Parlament tat-Tuneżija mistennija jsiru x-xahar id-dieħel.
Din l-elezzjoni għall-Presidenza hi anki sinifikanti għaliex it-Tuneżija hi l-unika demokrazija li ħarġet mir-rewwixti tar-Rebbiegħa Għarbija li nfirxu tul il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq. U bħala parti mit-tranżizzjoni demokratika, it-Tuneżija, dan ix-xahar, irnexxielha torganizza, b’suċċess, l-ewwel dibattitu bejn il-kandidati għall-Presidenza li l-elettorat seta’ isegwi minn fuq il-mezzi tax-xandir.
//= $special ?>