Talanqas 82 immigrant żbarakaw fuq il-gżira ta’ Lampedusa wara sitt ijiem fuq il-baħar. Dan wara li l-awtoritajiet Taljani taw il-permess biex il-bastiment ‘Ocean Viking’ – taħt il-gwida tal-SOS Mediterranee u l-grupp Medicins Sans Frontieres (MSF) – iniżżel l-immigranti, li ħafna minnhom se jkunu rilokati f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Dan il-pass jindika, ftit jew wisq, bidla fil-politika rigward l-immigrazzjoni min-naħa tal-koalizzjoni ġdida li ħadet ir-riedni fl-Italja – u wara li l-eks Ministru għall-Intern, Matteo Salvini, kien impenja ruħu biex jipprojbixxi d-dħul tal-vapuri bl-immigranti (immexxija mill-gruppi karitatevoli) fil-portijiet Taljani.
Intant, l-immigranti kienu trasferiti mill-‘Ocean Viking’ għal fuq dgħajsa tal-gwardjani tal-kosta li, imbagħad, wasslithom lejn l-art ta’ Lampedusa. Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Luigi Di Maio, qal li ‘dan seta’ isir għaliex l-UE qablet mat-talba tal-Italja biex tieħu l-parti kbira tal-immigranti’,
Fl-istess ħin, Di Maio tenna li l-iżviluppi ‘ma jfissrux li l-Italja se taddotta mill-ġdid il-politika tal-portijiet miftuħa’. Hu għamilha ċara li l-iskop jibqa’ biex l-immigranti li jaslu fl-Italja jkunu rilokati f’pajjiżi oħra tal-Ewropa.
Kien il-ftehim ad hoc li ntlaħaq bejn l-Italja, Franza, il-Ġermanja, il-Portugall u l-Lussemburgu li permetta għall-inżul tat-82 immigrant f’Lampedusa. L-Unjoni Ewropea, issa, qed tidher viċin ‘mekkaniżmu fuq livell Ewropew’ ( li fil-bidu għandu jservi fuq bażi parzjali) għar-rilokazzjoni tal-immigranti.
Il-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Horst Seehofer, qal li taħt il-ftehim futur potenzjali, il-Ġermanja għandha tieħu 25 fil-mija tal-immigranti salvati li jinżlu l-Italja. Hu kompla li issa wasal iż-żmien ‘biex jintemmu l-battibekki u n-negozjati jaħarqu’ dwar kull dgħajsa tal-immigranti. Intant, Franza wkoll se tieħu 25 fil-mija tal-immigranti tal-‘Ocean Viking’, bl-Italja taċċetta għaxra fil-mija mill-kumplament.
Il-Ministri għall-Intern tal-UE se jiltaqgħu f’Malta, ‘il quddiem dan ix-xahar, biex jippruvaw jiksbu ftehim aktar wiesgħa u konkret, qabel is-summit tal-Unjoni li jsir fil-Lussemburgu x-xahar id-dieħel.
//= $special ?>