Sport Waterpolo

Miskolcz juru s-saħħa tagħhom u jikkonfermaw posthom fil-quċċata ta’ Grupp Ċ


VALLETTA………………. 9 MISKOLCZ………………… 17

(4-2), (2-6), (2-5), (1-4)

It-tim Ungeriż Miskolcz assigura postu fil-quċċata ta’ Grupp Ċ biex għadda għall-fażi li jmiss tal-Euro Cup. Din it-telfa kienet it-tielet waħda għat-tim Malti u għalkemm telfa tibqa’ telfa, meta wieħed iqis is-saħħa tal-avversarji, kollox ma’ kollox kien hemm prestazzjonijiet pożittivi. Dan jawgura tajjeb għall-impenji importanti li t-tim nazzjonali għandu x-xahar id-dieħel kontra l-Portugall u r-Rumanija mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew.

Bidu tajjeb mit-tim Malti hekk kif wara li kien 2-1 minn taħt, kiseb vantaġġ meritat ta’ 4-2 b’gowls minn Jordan Camilleri, Dino Zammit u Ben Plumpton. Fit-tieni sessjoni l-Ungeriżi tjiebu u bdew jiftħu aktar lit-tim Malti fl-attakki tagħhom.

Huma rnexxielhom imorru 6-5 minn fuq sakemm Jordan Camilleri ġab id-draw b’xutt minn pożizzjoni ċentrali. Iżda gowls mis-centre Sasa Misic u Adam Nagy taw vantaġġ prezzjuż lil Miskolcz.

Gowl kmieni fit-tielet sessjoni witta t-triq għar-rebħa ta’ Miskolcz hekk kif ikkontrollaw il-logħba aktar. It-tim Malti beda juri ftit nuqqasijiet fiżiċi hekk kif anki l-azzjoni fl-attakk ma kinitx qed tiffunzjona kif kienet fl-ewwel parti tal-logħba.

Fl-aħħar sessjoni l-Ungeriżi baqgħu fil-kmand tal-logħba, b’Valletta jippruvaw iżommu l-iskor baxx kemm jista’ jkun, iżda rnexxielhom jiskorjaw biss b’konklużjoni mix-xellug ta’ Jerome Gabarretta.

Valletta: N. Grixti, J. Gabarretta (1), A. Galea, J. Zerafa Gregory, Da. Zammit, B. Plumpton (1), N. Zammit (1), J. Camilleri (3), L. Galea, A. Cousin, J. Muscat (1), Di. Zammit (2), A. Borg Cole

Miskolcz: K. Csoma, B. Banicevic (3), D. Krijestorac, B. Vismeg (1), A. Nagy (1), V. Vadovics (3), K. Bedo, B. Lorincz (2), S. Misic (3), Z. Vismeg (1), O. Stojanovic (3), M. Mizsei

Referees: Nikos Boudramis (Greċja), Sergio Jimenez (Spanja)