Il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu juża anke l-intervista tal-Ħadd, fuq One Radio, biex jipprova jikkalma s-sitwazzjoni interna fil-Partit Laburista.
Dan hekk kif għaddejja taqtigħa interna sħiħa dwar min se jkun is-suċċessur tiegħu, li tant ħraxet li l-kandidati ewlenin għaddejjin b’kompetizzjoni dwar min se jidher l-iktar fuq il-midja.
Bi Chris Fearne, Ian Borg u Konrad Mizzi li qed jorganizzaw ruxxmata konferenzi tal-aħbarijiet, il-gazzetta Malta Today qed tirrapporta wkoll li fl-aħħar jiem saħansitra kienu msejħa għal laqgħa bil-Prim Ministru jordnalhom jikkalmaw.
Wara din il-laqgħa, il-gruppi Getting Things Done u Konrad Effect, tas-sostenituri ta’ Ian Borg u Konrad Mizzi kienu ordnati jingħalqu wara li kienu qed jintużaw biex imexxu l-kampanja tal-kandidati rispettivi.
Fl-intervista tal-Ħadd filfatt, Joseph Muscat kien sfurzat isemmi s-setturi tas-saħħa, l-infrastruttura u t-turżimu b’mod ugwali biex ma jidhirx li qed jappoġġja xi wieħed mill-kandidati.
Sadattant, wara r-rapport ta’ kundanna mill-Moneyval, ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa u li wera li pajjiżna falla fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, Joseph Muscat ipprova jiskreditahom.
“Rapporti tal-Moneyval kienu dejjem kritiċi ta’ dan il-pajjiż.”
Infexx jattakka wkoll lill-piloti, wara li bħalu għamel Konrad Mizzi, hekk kif waħħal fihom fin-nuqqasijiet tal-Air Malta, ta’ x’wieħed jifhem li mhux kollha għandhom rieda tajba u akkużahom li qed jaraw sa mneħirhom.
“Nittama li ma jkunx hemm min se jħares biss sal-ponta ta’ mnieħru u jipperikola x-xogħol li għamilna. Min għandu jifhem ħa jifhem. Mhux se noqgħod nitkellem żejjed.”
Anke fuq il-liġi ġdida tal-kera, li se tagħti d-dritt li l-awtoritajiet jaqbdu u jidħlu fil-proprjetà privata tan-nies, Muscat qal li ma jaqbilx mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi u l-Kamra tal-Kummerċ fuq ħafna mill-punti li ressqu.
Fi ftit minuti, Muscat ikkontradixxa lilu nnifsu dwar din il-liġi.
“Mhux vera li l-Gvern ħa jaqbad jidħol fid-djar tan-nies biex jiċċekkja.(…) Jekk jien irid niġi biex niċċekkja l-kundizzjonijiet tal-post li inti qed tikri lil xi ħadd, irrid nagħtik avviż ta’ 24 siegħa u nkun akkumpanjat mill-forzi tal-ordni.”
Imma ironikament, minflok attakka lill-Oppożizzjoni.
“Din li Oppożizzjoni hija pinnur, tipprova u ddur ma’ kull riħ.”
U waqt li ta’ kuljum ikomplu joħorġu ritratti ta’ nies jorqdu barra, Jiseph Muscat reġa qal li biex tkompli tikber l-ekonomija bilfors irridu iktar barranin.
“Għandna bżonn aktar ħaddiema, iva bil-pressjoni li dan iġġib fuqna u bid-diskussjoni tal-barranin.”
Sa waqt li kien qed jitkellem stess, ġie ppubblikat sett ieħor ta’ ritratti li juri grupp sħiħ ta’ persuni reqdin mal-art, fuq barra f’Tas-Sliema.
//= $special ?>