Hu sabiħ li meta wieħed ikollu problemi ta’ saħħa, almenu jaf li jista’ jsib konfort għalih u għal dawk l-għeżież tiegħu. Dan hu dak li Puttinu jagħmel għat-tfal, iżda mhux biss, li sfortunatament ikunu għaddejjin minn dawn iż-żminijiet.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara li għamel fil-Marsa Sports Grounds waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maratona ta’ Puttinu.
Akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Clyde Puli, hu nnota kif grazzi għal għaqdiet bħal Puttinu, dawk li jkunu fl-aktar żminijiet delikati ta’ ħajjithom jistgħu jsibu mqar warda f’nofs ix-xewk li tipprovdi l-ħajja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Puttinu jgħaqqad lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha, filwaqt li dawk li jkunu ġew bżonnu, jagħtu daqqa ta’ id biex aktar nies igawdu huma wkoll.
Il-messaġġ ta’ għaqda deher ukoll fost il-Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, li ngħaqdu f’logħba biex jinġabru fondi għal din l-istess kawża.
NET News tkellem mal-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Byron Camilleri, li esprima l-ferħ taż-żewġ gruppi li jgħinu lil organizzazzjoni bħal din.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li dan l-isforz tal-Membri Parlamentari hu wieħed żgħir ħdejn il-ħidma imprezzabbli li jagħmlu n-nies ta’ Puttinu.
//= $special ?>