Lokali

Titħabbar il-mewt ta’ Lawrence Ciantar

Tħabbret il- mewt tal-Inġinier Lawrence C. Ciantar, eks Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta, fl-eta ta’ 90 sena u armel ta’ Ivy Ciantar.

Hu twieled fl-4 ta’ Settembru 1929 u għex tfuliftu fil-Birgu. Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kullegg ta’ De La Salle u wara segwa kors fl-inġinerija ma’ Royal Navy fl-Admiralty School, fejn huwa laħaq Chartered Engineer.

Ftit wara daħal mal-Gvern ta’ Malta bħala inġinier fil-Water and Electricity Department. Huwa serva ukoll bħala Chief Engineer u General Manager tal-Malta Electricity Board u kompla f’din il kariga wara li ġiet stabilita il-Korporazzjoni Enemalta.

Ciantar kien il-promutur ewlieni fl-iżvilupp tas-sistemi tal-ġenerazzjoni u tan-networks tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta u Għawdex.

Il-proġetti li ġew fdati lilu jinkludu l-bini tal-Marsa B Power Station, iż-żarmar tal-Power Station ta’ Palermo u l-armar tal-istess impjant bħala estensjoni tal-Marsa Power Station, kif ukoll il-bini tal-ewwel fażi tal-Power Station ta’ Delimara.

Dawn il-proġetti tlestew b’suċċess ukoll bis-sapport u l-ħidma ta’ team ta’ inġiniera, tekniċi u personnel Maltin kemm tal-Enemalta kif ukoll ta’ Malta Drydocks mmexxija mill-Inġinier Ciantar

Kienu wkoll diversi l-okkażjonijiet li l-inġinier Ciantar ġie nkarigat minn Amministrazzjonijiet differenti biex jirrappreżenta lill-Gvern ta’ Malta.

B’rikonoxximent ta’ ħidma ddedikata tiegħu fis-settur tal-Enerġija u s-servizz li ta f’oqsma differenti, huwa ġie onorat bil-Medalja għall-Qadi tar-Republika, Membru tal-Ordni tal-Mertu fis-sena 2002.

Qatt minsi minn uliedu Arthur, Rosanne, Marilou u Lawrence u l-familji tagħhom, ħutu, bosta qraba u ħbieb.

Il-funeral ser isir nhar it-Tnejn fis-2.30pm fil-Knisja Parrokjali ta’ Santa Luċija.