Sport Waterpolo

Valletta United jakkwistaw lix-xellugi Michele Stellini

(Ritratt: Valletta United)

Wara d-diżappunt ta’ dan is-sajf, Valletta bdew bil-ħidma tagħhom bl-għan li jirritornaw jilagħbu fil-Kampjonat Premier. Huma ħabbru l-akkwist tal-veteran Michele Stellini. F’dan l-istaġun, Valletta kellhom problema partikolari minħabba li ma kellhomx xellugi u għalhekk batew fuq in-naħa leminija tal-pitch.

Stellini li għandu 36 sena, lagħab l-aħjar żmien tal-karriera tiegħu ma’ Neptunes fejn kien strumentali biex it-tim tal-Balluta kaxkar l-unuri. Bejn l-2000 u l-2015 hu rebaħ seba’ darbiet il-Kampjonat tas-Sajf, ħames darbiet in-knock-out, tmien darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa u seba’ darbiet it-Tazza tal-President għal total ta’ 27 unur. Fosthom hu kien parti importanti mit-tim ta’ Neptunes li bejn l-2010 u l-2014 rebaħ ir-rekord ta’ ħames kampjonati konsekuttivi.

Fl-2015 hu kien ħabbar li rtira mil-logħba fl-età ta’ 32 hekk kif dak iż-żmien kien ħass li għandu prijoritajiet oħra li ried jagħti kas u kellu bżonn motivazzjoni ġdida wara s-snin tad-deheb ma’ Neptunes.

Stellini rritorna jilgħab fl-2017 meta ngħaqad ma’ Exiles. Fil-Kampjonat tas-Sajf ta’ dik is-sena hu kien skorja 14-il gowl fi 15-il logħba. Is-sena l-oħra hu sab ix-xibka 10 darbiet fi 12-il logħba filwaqt li din is-sena skorja 15-il gowl fi 13-il gowl fil-kampjonat.