L-Iran akkuża lill-Istati Uniti b’li qed tipprova tippreżenta ‘stampa qarrieqa’ wara li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li r-reġim Iżlamiku f’Tehran kien il-protagonista wara l-attakk bid-drones li ħalla ħsarat kbar f’żewġ faċilitajiet taż-żejt tal-Arabja Sawdija.
Pompeo ċaħad l-istqarrija tar-ribelli Houthi (appoġġjati mill-Iran) fil-Jemen fis-sens li ‘kienu huma wara l-attakki’ — bil-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Javad Zarif, itenni li ‘l-akkużi infondati fir-rigward tal-Iran mhumiex se jtemmu d-diżastru fil-Jemen’.
L-Arabja Sawdija qed tgħid li l-attakki bid-drones ta’ nhar is-Sibt ‘servew biex inaqqsu bin-nofs il-produzzjoni taż-żejt mhux irraffinat ( f’artha) għal 5.7 miljun barmil kuljum.’
Intant, l-għajnejn kollha, għada se jkunu fuq is-swieq ladarba jiftħu — bl-esperti qegħdin jistennew qabża sinifikanti fil-prezz taż-żejt.
Mindu tkeċċa l-President tal-Jemen fl-2015, ir-ribelli Houthi baqgħu jiġġieldu kontinwament kontra koalizzjoni militari mmexxija mis-Sawdi u appoġġjata mill-Punent. Fi tmiem il-ġimgħa, il-Houthi qalu li kienu ħejjew għaxar drones biex jattakkaw il-faċilitajiet (taż-żejt) Sawdi ta’ Abqaiq u Khurais, iżda Mike Pompeo tenna li ma hemm ‘l-ebda provi’ li d-drones kienu ġejjin mill-Jemen waqt li akkuża lill-Iran b’konnessjoni mal-attakk.
Din mhix l-ewwel darba li l-Istati Uniti akkużat lill-Iran dwar attakki oħrajn fuq il-provvisti taż-żejt fir-reġjun u l-Ministru Zarif wieġeb li ‘l-Istati Uniti mhux talli falliet fil-kampanja tas-sanzjonijiet fuq l-Iran iżda qed tirrikorri għal livell massimu ta’ qerq’.
Mike Pompeo ma ta l-ebda eżempju konkret li jappoġġja l-akkużi tiegħu u qal, sempliċiment, li l-Istati Uniti qed issejjaħ biex il-pajjiżi kollha jikkundannaw l-attakki tal-Iran pubblikament u b’mod inekwivoku. Hu kompla li l-Istati Uniti se taħdem mal-alleati biex jaċċertaw ‘li l-Iran jinżamm kontabbli għall-aggressjoni tiegħu’.
//= $special ?>